Lokali
Il-PM jgħid li Għawdex għandu l-potenzjal ikun ċentru tal-innovazzjoni u l-bidla fil-pajjiż

Il-Prim Ministru Robert Abela, elenka l-viżjoni tal-Gvern għal Ghawdex, biex isir ċentru tal-innovazzjoni b’investiment qawwi fit-teknoloġija u t-taħriġ.

Dr Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jinqered id-distakk ekonomiku li jeżisti bejn Għawdex u Malta billi jiżdied il-potenzjal tal-gżira Għawdxija fl-edukazzjoni, is-settur diġitali u finanzjarju, is-setturi ekonomiċi tradizzjonali, l-enerġija u l-ambjent.

Waqt Business Breakfast bit-tema ‘Mudell Sostenibbli għal Għawdex’, il-Prim Ministru Robert Abela elenka l-viżjoni tal-Gvern għal Ghħawdex. Dr Abela qal li l-Għawdxin jistgħu jipproduċu ġid ras għal ras daqs Malta u b’hekk jinqered id-distakk ekonomiku bejn iż-żewġ gżejjer mingħajr dannu lill-ambjent Għawdxi. 

“Meta nitkellmu dwar kif Għawdex jista’ jkun mutur ekonomiku aktar b’saħħtu, dlonk tqum il-mistoqsija. Imma hekk mhux ser tirrovinaw lil Għawdex, gżira serena, where time stood still. Ma naqbilx li hu hekk. Kien għalhekk li llum għażilna din it-tema, mudell sostenibbli għal Għawdex. Għawdex ser ikun il-mudell tal-prosperità ġdida li ser nibnu fis-snin li ġejjin. Għawdex ser ikun il-katalist tal-bidliet kbar li jridu jseħħu f’pajjiżna”, qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru Abela qal li l-Għawdxin għandhom rieda qawwija biex jaħdmu għal iktar prosperità f’Ghawdex. Żied jgħid li ż-żieda fil-prosperità llum tiddependi mit-teknoloġija, u għalhekk qal Għawdex irid jinvesti fil-qalba diġitali speċjalment b’taħriġ edukattiv għall-Għawdxin. 

“It-teknoloġija moderna tista’ tgħin biex mal-attività tradizzjonali tidħol attività oħra, li tagħmel din l-attività aktar vijabbli. Ħa nagħti eżempju, minbarra li jkun użat għall-biedja, ikun użat ukoll għall-turiżmu ta’ kwalità, turiżmu li jivvalorizza aktar it-tradizzjonjonijet u l-prodotti tagħna. F’Għawdex diġà għandna eżempju ta’ kif dan jista’ jsir b’suċċess.

Dwar l-enerġija alternattiva, qal li Għawdex diġà huwa eżempju tajjeb ta’ gżira b’enerġija sostennibli tant li l-pass li jmiss huwa li tiġi ġġenerata l-enerġija mit-turbini tar-riħ.

“Biex Għawdex isir gżira fejn l-enerġija kollha tkun carbon neutral. Mhux hekk biss, imma Għawdex irid jesporta enerġija nadifa lejn Malta. Irridu nservu wkoll ta’ mudell għal pajjiżni  oħra Ewropej, għax bis-serjetà rridu nsiru ċentru tal-innovazzjonu u l-bidla. Din hija l-viżjoni tagħna għal Għawdex”, qal Dr Abela.

Aktar kmieni, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li fl-aħħar snin, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Għawdex qabżet dik ta’ Malta, filwaqt li sostna kif Għawdex ra żieda ta’ 13-il persuna li bdew jaħdmu f’Għawdex kull ġimgħa.