Lokali
Filmat: Il-PM jgħid li l-elezzjoni ġenerali se ssir s-sena d-dieħla

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li l-elezzjoni ġenerali se ssir s-sena d-dieħla, jiġifieri fis-sena tagħha tal-2022.

Dr Abela qal dan fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar investiment privat ta’ tmien miljun ewro li se joħloq 100 impjieg ġdid. Huwa qal li l-pajjiż mhux se jmur għal elezzjoni din is-sena u d-data tal-elezzjoni ġenerali se tkun iddettata mill-interess nazzjonali.

“Dejjem sħaqt li wieħed mill-kriterji li se jiddetermina meta ssir l-elezzjoni huwa l-interess nazzjonali. Ma naħsibx li huwa fl-interess nazzjonali li ssir elezzjoni din is-sena, u għalhekk se ssir fis-sena tagħha, dik tal-2022”, qal il-Prim Ministru.  Waqt li tenna li l-elezzjoni se ssir is-sena d-dieħla, Dr Abela qal li kienet l-Oppożizzjoni li qajmet mingħajr raġuni inċertezza għan-negozji bix-xniegħa li ġejja elezzjoni ġenerali f’Novembru li ġej.

F’post fuq Facebook, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Robert Abela fl-aħħar temm l-ispekulazzjoni dwar jekk hux se jsejjaħ elezzjoni bikrija. Qal li Abela stenna sal-aħħar minuta, u b’mod irresponsabbli, ħoloq inċertezza għan-negozji. Huwa żied jgħid li tiġi meta tiġi l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jkun ippreparat.
Id-data tas-27 ta’ Novembru kienet qed tissemma’ bħala d-data li matulha setgħet issir l-elezzjoni ġenerali li tiskadi fit-3 ta’ Ġunju tal-2022.