Partit Laburista
“L-istituzzjonijiet għandhom bżonn il-ħin, l-ispazju u l-fiduċja biex jaħdmu” – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż iridu l-ħin, l-ispazju u l-fiduċja biex jaħdmu. Qal li ż-żmien diġà ta parir u se jerġa’ jagħti parir bejn min iparla ħafna u min jaħdem ħafna u jġib ir-riżultati. F’attività politika f’San Pawl il-Baħar, il-Prim Ministru tratta s-saltna tad-dritt u qal li l-Gvern immexxi minnu diġà wettaq ħafna u se jkompli jwettaq bidliet sinifikanti għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet. Qal li dan jorbot mal-impenn tal-Gvern li jimmodernizza l-pajjiż f’kull qasam.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-proċess mibdi fl-aħħar ħames snin jinvolvi l-immodernizzar tal-pajjiż, b’mod li l-pajjiż jinħareġ mis-sitwazzjoni li kien fiha u jkun tajjeb għall-preżent u lest għall-ġejjieni. F’dan l-isfond tkellem fost l-oħrajn dwar is-saltna tad-dritt u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Elenka bidliet li saru bħat-tneħħija tal-preskrizzjoni għall-politiċi u l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi. Wera l-fehma li l-Gvern qed jiġi kkritikat mhux fuq li għamel, iżda fuq li wiret u qal li l-Gvern tant hu miftuħ li stieden lill-Kummissjoni Venezja biex tagħti l-pariri tagħha bħala entità indipendenti biex il-liġijiet ikomplu jitjiebu. Qal li sal-aħħar tas-sena, din il-kummissjoni magħmula minn esperti fil-liġi se tagħti l-pariri tagħha lill-Gvern.

Il-Prim Ministru ddikjara l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istituzzjonijiet tal-pajjiż li qal jaħdmu u jġibu riżultati. Irrefera għal dik li sejjaħ kritika inġusta lill-Pulizija, il-ġudikatura u r-regolatur tas-servizzi finanzjarji li ma jistgħux iwieġbu għax ma jistgħux jikxfu idejhom dwar il-ħidma li tkun għaddejja. Qal li ż-żmien se jerġa’ jagħti parir bejn min iparla ħafna u min jaħdem ħafna u jġib ir-riżultati. Qal li dawn mhumiex riżultati tal-politiċi, imma tal-istituzzjonijiet li jridu jingħataw il-ħin biex jaħdmu, l-ispazju u l-fiduċja. Waqt li appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiddefendi l-istituzzjonijiet, anke minn min fi ħdanu jikkritikahom f’Malta u barra, qal li hu jaqbel ma’ diskors tal-istess Kap tal-Oppożizzjoni kmieni din il-ġimgħa meta qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jridu jaħdmu flimkien. Dr Muscat qal li hu jaf li warajh għandu mija fil-mija lill-Gvern li lest jaħdem mal-oppożizzjoni biex jintlaħaq dan l-għan. Stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jkollu mqar nofs il-membri tiegħu biex jaħdmu tassew għall-ġid tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ħidma f’oqsma oħra biex il-pajjiż ikun modernizzat. Semma’ l-bini f’Għawdex tal-ewwel reverse osmosis li se jtemm id-dipendenza tal-gżira fuq Malta għall-ilma u l-investiment li se jsir fir-robotika biex titwassal il-mediċina għall-pazjenti fl-Isptar Mater Dei.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

F’attività politika fil-Mellieħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport li tnediet aktar kmieni matul il-ġurnata. Qal li u jemmen li hemm potenzjal kbir f’dan is-settur u għalhekk…

NGOs

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura hub modern u tal-għola standards fil-Marsa msejjaħ The Meeting Place li ser isservi biex ikollhom spazju fejn jiltaqgħu l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni,…

Elezzjoni

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-iskema biex jingħataw ħlasijiet lill-eluf ta’ ħaddiema approvata mill-Kabinett saret biex issir ġustizzja ma’ iktar ħaddiema f’diversi oqsma fosthom ex ħaddiema…

Elezzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li, għal dan il-Gvern, Għawdex mhuwiex prijorità. Waqt attività politika fin-Nadur Ghawdex illejla, Dr Delia sostna li hemm kuntrast qawwi mal-investiment li kien għamel…

Aktar