Politika
Il-PM jgħid li l-Gvern mexa bil-galbu u fil-pandemija ma qassamx kollox f’daqqa

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li f’disa’ xhur kemm ilu fit-tmun tal-pajjiż ippreżenta erba’ budgets b’injezzjoni ta’ elfejn u seba’ mitt miljun ewro fl-ekonomija.

F’attività politika fir-Rabat Għawdex, il-Prim Ministru qal li b’kollox ġew salvati 100,000 impjieg u Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi taż-żona ewro.

Il-Prim Ministru qal li f’mument ta’ pandemija l-Gvern ippreżenta l-aqwa budget fl-istorja tal-pajjiż. Dr Abela qal li l-Gvern mexa bil-galbu u għaraf li l-pandemija tista’ ddum xhur u għalhekk iddeċieda li jitlaq b’riżervi mimlijin u ma jqassamx kollox f’daqqa.

Irrimarka li l-Budget huwa r-riżultat tal-għaqal tal-Gvern li rnexxielu jġemma għal meta jaslu mumenti diffiċli. Il-Prim Ministru qal li l-pandemija sabet il-Gvern imħejji u l-pakketti finanzjarji tfasslu fuq il-prinċipju biex jinċentivaw lin-nies u n-negozji.

Dr Abela tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-10 snin li ġejjin fosthom fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’Għawdex għal Għawdxin. Il-Prim Ministru qal li l-ħidma tal-Gvern se tibqa’ msejsa fuq id-djalogu man-nies. Hu rrefera għall-miġemgħa li nġabret fil-Bajja ta’ San Ġiljan din il-ġimgħa u esprima d-dispjaċir tiegħu għal dawn ix-xeni. Il-Prim Ministru tenna li s-sitwazzjoni għadha taħt kontroll iżda wissa li ma nistgħux nillaxkaw.

Wera l-fehma li l-imġiba tan-nies se tiddetermina jekk il-Gvern ikollux iżid ir-restrizzjonijiet jew il-ħajja tibqax għaddejja b’mod normali filwaqt li titħares is-saħħa tan-nies. Fakkar li hu dejjem saħaq fuq il-bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa. Il-Prim Ministru sostna iżda li dan il-bilanċ jiddependi mir-resposabbiltà ta’ kulħadd.

Dr Abela qal li l-Gvern imħejji għal li jista’ jinqala’ iżda ppreparat ukoll għal meta f’Diċembru u Jannar li ġej ikun hemm tilqima disponibbli li qal Malta se tkun minn tal-ewwel li se jkollha. Il-Prim Ministru qal li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet għall-ġid tal-poplu. Wiegħed iktar ħidma u impenn għall-pajjiż li qal se jmexxu lill-Gvern fix-xhur li ġejjin qabel test elettorali importanti.

Dr Abela qal li l-Gvern se jibqa’ ffukat fiż-żmien li ġej u stqarr li jħoss li fl-akbar mument ta’ sfida, il-poplu se juri l-isbaħ kwalitajiet tiegħu.