Politika
Il-PM jgħid li l-Gvern se jibqa’ jgħin finanzjarjament lin-negozjanti milquta mill-pandemija

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-Kabinett qed jiddiskuti pjan ta’ iktar għajnuna għas-setturi l-iktar milqutin mill-imxija u sostna li se jibqa’ jagħti sostenn finanzjarju lin-negozjanti bħalma għamel s’issa matul il-pandemija.

F’intervista fuq ONE TV, il-Prim Ministru Abela qal li l-pajjiż ikollu problema jekk is-sajf li ġej ma jiġux turisti. Appella għal kawtela minn kulħadd u qal li l-infurzar se jibqa’ b’saħħtu għax il-ġimgħat li ġejjin se jkunu kruċjali għall-futur tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jixtri t-tilqim mingħand il-produtturi kollha tal-vaċċin u jikseb iktar dożi minn kemm hawn popolazzjoni fil-pajjiż, wasslet biex Malta ras għal ras hi l-iktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu dożi tat-tilqim kontra l-Covid-19.

F’intervista fuq ONE TV, Dr Abela qal li dan wassal biex il-pajjiż seta’ jlaqqam iktar nies b’ritmu mgħaġġel u qal li dan ifisser li inqas nies qed ikollhom bżonn jidħlu l-isptar għall-kura filwaqt li jkunu evitati l-imwiet. Dr Abela wissa li dan mhuwiex il-mument li n-nies jinjoraw il-miżuri kontra l-imxija tal-Covid.

Il-Prim Ministru kien ċar fi kliemu meta qal li bħalissa kulħadd irid jagħmel sagrifiċċju għax il-pajjiż ma jaffordjax jitlef iċ-ċans li jiftaħ għat-turiżmu fis-sajf li ġej. Qal li dan kollu jiddependi minn kemm il-pajjiż jibqa’ jrażżan il-każi ġodda u n-nies ikunu dixxiplianti. Irrimarka li l-infurzar se jibqa’ b’saħħtu għax il-ġimgħat li ġejjin se jkunu kruċjali billi se jiddefenixxu anki l-futur tal-pajjiż.

Il-Mexxej Laburista spjega iżda li fl-istess ħin il-Gvern ma setax jinjora l-għajxien tan-nies. Dr Abela qal li fis-sena tal-pandemija l-Gvern nefaq biljun ewro fil-qasam soċjali, bl-ikbar spiża tkun fil-pensjonijiet. Irrimarka li b’differenza mill-Gvern Nazzjonalista, li kien żied s-salarji tal-Kabinett waqt il-kriżi ekonomika tal-2008, il-Gvern kompla jinvesti fin-nies fosthom bis-suppliment tal-pagi għall-ħaddiema, b’żidiet fiċ-children’s allowance u bi skemi ta’ għajnuna lin-negozji.

Dr Abela li l-Kabinett qed jiddiskuti pjan ta’ iktar għajnuna għas-setturi l-iktar milqutin mill-imxija ħalli ħadd ma jitħalla lura. Il-Prim Ministru serraħ ras lin-negozjanti li se jibqgħu jingħataw is-sostenn finanzjarju meħtieġ bħalma għamel fix-xhur li għaddew bis-suppliment tal-pagi.

Il-Prim Ministru qal li f’Ġunju mistenni jibda jopera l-fast ferry bejn Malta u Għawdex biex ikun hawn konnettività ġdida u vjaġġi iktar effiċjenti għall-Maltin u t-turisti bejn iż-żewġ gżejjer. Semma wkoll l-inċentivi li se jingħataw biex xufiera jaqilbu għall-vetturi tal-elettriku filwaqt li Dr Abela wera sodisfazzjon għat-310 toroq li saru s’issa bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-infrastruttura għal dawn is-7 snin.

Lejlet il-ftuħ mill-ġdid tal-Parlament wara l-btajjel tal-Għid, il-Prim Ministru qal li se jibda dibattitu fuq ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 filwaqt li tissokta l-konsultazzjoni dwar l-użu tal-kannabis għal skopijiet rikreattivi.

B’referenza għall-istħarriġ dwar l-opinjoni attwali tal-elettorat fil-konfront taż-żewġ partiti u ż-żewġ mexxejja, Dr Abela qal li l-Gvern mhu se jħalli l-ebda numri jkabbrulu rasu filwaqt li se jibqa’ b’idejh fuq il-polz tan-nies.