Politika
Il-PM jgħid li l-Gvern se jkompli għaddej bir-riformi għat-tisħiħ tal-governanza u s-saltna tad-dritt

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar sena l-Gvern wera bil-fatti li l-governanza tajba u t-tisħiħ tat-trasparenza u s-saltna tad-dritt huma fuq nett fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern, li jinsab determinat li jkompli għaddej bil-pass ta’ riformi li qabad fl-aħħar xhur biex joħloq prosperità ġdida u sostenibbli.

Waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD fl-MCAST, il-Prim Ministru qal li l-Gvern baqa’ miftuħ għall-iskrutinju, fosthom tal-ġurnalisti, għax saħaq li b’hekk biss tista’ tkun garantita tmexxija b’saħħitha.

Dr Abela qal li sa mill-ħatra tiegħu sena ilu kien bagħat messaġġ ċar li l-governanza tajba kienet se tkun prijorità assoulta għall-Gvern, u matul l-aħħar 12-il xahar saru bosta riformi bla preċedent li saħħew is-saltna tad-dritt, fosthom il-mod kif jinħatar il-President, it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u daħlet fis-seħħ is-separazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Prim Ministru qal li bir-riformi leġislattivi li daħlu fis-seħħ, l-istituzzjonijiet li kien ilhom is-snin jistennew tibdil radikali ġew imsaħħa waqt li l-Prim Ministru ċeda setgħat li l-ebda Prim Ministru preċedenti ma ċeda. Semma kif dawn ir-riformi ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u anke mill-Kummissjoni Ewropea, waqt li saħħew ir-reputazzjoni u l-kredibiltà ta’ Malta. Dwar il-Moneyval, il-Prim Ministru qal li Malta għamlet il-parti tagħha u jinsab fidjuċjuż li se jinkiseb riżultat sodisfaċenti.

Dr Abela qal li r-riformi se jkomplu għaddejjin, fosthom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bl-għajnuna ta’ korp tal-Pulizija riformat, li fl-aħħar xhur beda jimplimenta bidliet rivoluzzjonarji li qed iwaslu għal riżultati pożittivi ħafna fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-governanza tajba hija responsabbiltà ta’ kulħadd u l-Gvern wera bil-fatti li jwettaq u mhux jitkellem biss. il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali qal li l-governanza tiswa l-flus u l-Gvern ipprovda l-għodod u r-riżorsi lill-istituzzjonijiet li kellhom bżonn jissaħħu, tant li l-FIAU issa hi magħmula minn 158 ħaddiem waqt li fl-2013 kellha 15-il ħaddiem.