Lokali
Il-PM jgħid li l-membru fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar Matthew Pace għandu jirriżenja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar Matthew Pace għandu jirriżenja.

Huwa qal dan fi tweġiba għad-domanda tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-riforma fil-kirjiet.

Dr Muscat qal li f’Malta hawn is-saltna tad-dritt u ma jistax jaqbad u jneħħih. Stqarr li jemmen li l-opinjoni tiegħu għandha ċertu piż.

Il-ġimgħa l-oħra ll-Qorti tal-Appell irtirat il-permess lill-grupp DB għall-proġett City Centre fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Id-deċiżjoni ttieħdet f’kawża li nfetħet minn tliet kunsilli lokali, NGOs u individwi, li fost oħrajn sostnew li membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li vvota favur il-proġett, kellu kunflitt ta’ interess.

Il-Qorti semgħet kif Matthew Pace huwa sid tal-aġenzija Remax Alliance Swieqi, li hija msieħba mal-kumpanija tal-bejgħ u l-kiri tal-proprjetà Remax, liema kumpanija bdiet tirreklama l-bejgħ ta’ proprjetà li tifforma parti minn dan il-proġett, meta l-bord tal-PA kien għadu lanqas ħa vot dwaru.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, innotat li Pace kien f’pożizzjoni li jdaħħal commission minn proprjetà fi proġett li kien għadu mhux approvat mill-bord li huwa kien jifforma parti minnu. Qalet li dan l-interess kellu jiġi ddikjarat mill-bidu nett, u Pace kellu jirrikuża ruħu.

Dwar il-fatt li l-proġett kien ġie approvat b’10 voti kontra 4, u għalhekk il-vot ta’ Pace ma kienx deċiżiv, il-Qorti ddikjarat li dan mhux importanti, għax ladarba jillaxka l-prinċipju ta’ responsabbiltà marbut mal-pożizzjoni, tikrolla ċ-ċertezza ta’ trasparenza u imparzjalità.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (2): Il-Qorti tirtira l-permess tad-DB f’San Ġiljan fuq kunflitt ta’ interess