Lokali
Il-PM jgħid li l-operaturi tas-servizzi finanzjarji għandhom iwieġbu għall-ineżattezzi dwar Malta

Il-Gvern se jieħu miżuri biex jassigura lis-settur tas-servizzi finanzjarji jibqa’ b’saħħtu fid-dawl tal-iskrutinju li qed jiffaċċja l-pajjiż. Dan qalu l-Prim Minsitru Joseph Muscat f’konferenza li ddiskutiet ir-regoli l-ġodda fis-settur finanzjarju li se jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla. Huwa ħeġġeġ ukoll biex l-operaturi ma jingħalqux fihom infushom iżda jikkoreġġu l-informazzjoni żbaljata li qed tingħata fuq Malta.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħeġġeġ lill-operaturi fl-industrija tas-servizzi finanzarji biex ma jiħdux attitudni diffensiva għall-akkużi inveritieri li qed isiru dwar is-servizzi finanzjarji f’Malta. Huwa qal li l-industrija għandha tkun proattiva fil-fora internazzjonali biex twieġeb għall-ineżattezzi dwar Malta. Il-Prim Ministru stqarr li s-settur jinsab taħt il-lenti internazzjonali iżda saħaq li s-sistema Maltija tat-taxxa tal-kumpanija hija trasparenti u konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea u tal-OECD.

Dr Muscat kien qed jitkellem f’konferenza tal-Istitut tas-Servizzi Finanzjarji li ddiskutiet l-isfidi li se ġġib ir-regolamentazzjoni l-ġdida li se tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru appella biex l-industrija u l-pajjiż ma jadottawx mentalità ta’ assedju minħabba l-kritika li qed issir. Spjega li l-Gvern se jkun qed jagħmel il-parti tiegħu biex jispjega lil barranin dak li verament toffri Malta, iżda insista li anke l-industrija trid tagħmel il-parti tagħha.

Il-Prim Ministru indika li fi żmien qasir ser isiru riformi fl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji u ħabbar li l-Gvern ser iressaq fil-Parlament proposti għad-diskussjoni dwar it-tisħiħ tas-servizzi finanzjarji. Dr Muscat qal li dawn se jkollhom l-għan li jkomplu jssaħħu lis-settur. Huwa qal lis-servizzi finanzarji mhux biss f’Malta iżda fid-dinja għandhom realtajiet ġodda quddiemhom u għaldaqstant importanti li jkun hemm qafas regolatorju aktar f’saħħtu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Malta qed tissemma fil-midja internazzjonali għal raġunijiet ħżiena iżda xorta waħda l-pajjiż għandu jkun minn tal-ewwel li jifhem u jimplimenta r-regolamentazzjoni l-ġdida biex il-pajjiż iżomm standards għolja internazzjonali u r-reputazzjoni ta’ Malta ma tittappanx. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-Gvern li ma jridx li fl-Unjoni Ewropea l-armonizzazzjoni tat-taxxi għax din tirrestrinġi l-pajjiżi ż-żgħar.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna spjega li għalkemm Malta tinsab taħt skrutinju dwar il-qafas tat-taxxi, il-ħasil ta’ flus u t-trasparaneza, meta jiġu l-uffiċjali tal-Moneyval mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OECD isibu li Malta għandha l-qafas regolatorju sod.