Politika
Il-PM jgħid li l-Partit Laburista ħareġ iktar b’saħħtu mill-elezzjoni ta’ mexxej ġdid

Fl-ewwel attività politika tiegħu bħala Prim Ministru fir-Rabat Għawdex, Dr Robert Abela qal li kuntrarju għal partiti oħra, il-Partit Laburista ħareġ aktar b’saħħtu mill-elezzjoni għall-mexxej ġdid.

Il-Mexxej Laburista qal li Għawdex se jkun fuq quddiem tal-ħidma tal-Gvern u li jrid li l-ġid jitqassam ma’ kulħadd.

Il-Prim Ministru qal l-ewwel ġimgħa tiegħu fit-tmun tal-pajjiż kienet waħda impenjattiva li fiha ħa deċiżjonijiet iebsin li bdew idaħħlu lura l-fiduċja, l-istabilità u n-normalità. Żied jgħid li kienu deċiżjonijiet iebsin li riedu jittieħdu u ttieħdu. Stqarr li ra u apprezza l-fiduċja min-nies b’mod tanġibbli.

Dr. Abela, li tkellem f’attività politika fir-Rabat Għawdex, qal li din il-gimgħa spikkat ukoll l-għaqda, għax ftit sigħat wara t-tellieqa għal-leadership, il-partit ingħaqad waqt li ħaddieħor baqa’ jitkisser. Huwa qal li mertu ta’ l-imħabba li hemm għall-partit li kulħadd lest jiġbed ħabel wieħed.

Dwar il-ħatra tal-kabinett il-ġdid, Dr Abela qal li jinsab kburi għaliex hemm il-ħeġġa biex isir ix-xogħol u l-kuraġġ biex isir il-ġid.
Il-Prim Ministru qal li Għawdex se jkun fuq quddiem tal-ħidma tal-Gvern. Qal li Għawdex jeħtieġ aktar investiment barrani, bħal ma kien dak tal-iskola Medika Barts. Il-Prim Ministru enfasizza li pajjiżna jista’ verament jibqa’ miexi ’l quddiem, partikolarment f’Għawdex.

Dr. Abela tkellem fuq il-viżjoni ekonomika tiegħu, li ddeskriviha bħala pro-market. Filwaqt li saħaq fuq l-istabbiltà meħtieġa għall-ekonomija, qal li mhux se jistenna n-negozji javviċinaw il-Gvern, iżda se jkun huwa stess li jmur għand il-komunitajiet tan-negozju.

Għall-infrastruttura, saħaq li sar ħafna xogħol iżda fadal ħafna x’isir. Dwar l-iżvilupp sostenibbli, Dr Abela fisser kif għandna nibżgħu għall-ambjent filwaqt li l-iżvilupp isir b’mod intelliġenti.

Il-Prim Ministru qal li jrid jara li l-ġid li jinħoloq u jitqassam ma’ kulħadd. Qal li din hija l-ambizzjoni tal-Gvern, u li biex tintlaħaq għandu bżonn is-sehem tal-poplu kollu. Stqarr li għalkemm il-pajjiz għadda minn mumenti diffiċli, ġej żmien sabiħ li diġà bdejna ngħixuh.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata…

Kronaka

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun. L-inċident seħħ bejn bejn vettura tal-għamla Toyota Aygo, li…

Stejjer Umani

Filmat ta’ tifel ċkejken ta’ 9 snin inxtered f’ħakka ta’ għajn mad-dinja kollha meta esprima d-dwejjaq li ħakmuh minħabba l-bullying. Fil-filmat miġbud minn ommu, Quaden Bayles jinstema’ jgħid li jrid…

Aktar