Politika
Il-PM jgħid li l-PN qed jibża’ mill-ikbar għodda tad-demokrazija li hi l-vot

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li l-Partit Nazzjonalista ma ppreżentax biżżejjed kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fi 23 lokalità f’Malta u f’Għawdex bil-għan li jiskoraġixxxi lin-nies milli joħorġu jivvutaw.

Dr Muscat qal li fost il-lokalitajiet f’Għawdex li l-Partit Nazzjonalista ma ppreżentax biżżejjed kandidati hemm l-Għarb, ix-Xagħra u Ta’ Sannat. Hu ddeskriva dan l-aġir bħala logħba rħisa li qal se twassal biex in-nies joħorġu jivvutaw aktar bi ħġarhom għax il-Partit Nazzjonalista qed jibża’ mill-ikbar għodda tad-demokrazija li hi l-vot.

F’attività politika f’Tas-Sannat, Dr Muscat qal li din it-tattika tfisser li 130,000 votant ma kienx se jkollhom l-għażla li jeleġġu l-kandidati li jixtiequ fil-Kunsilli Lokali. Sostna li hu se jibqa’ jikkonvinċi lin-nies biex joħorġu jivvutaw fosthom għaliex il-Partit Laburista għandu manifest għal kull lokalità bl-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Dr Muscat tkellem dwar il-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex jinċentiva x-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Qal li l-Gvern qed jagħti €6,000 lill-kumpaniji f’Għawdex għal kull impjieg ġdid li joħolqu. Dr Muscat spjega li minn din il-miżura, diġà bbenefikaw minnha 32 kumpanija u nħolqu 80 post tax-xogħol ġdid.

Dr Muscat tenna l-wegħda tal-Gvern jibni l-mina bejn iż-żewġ gżejjer filwaqt li assigura li dan il-proġett se jsir b’rispett sħiħ lejn l-ambjent. Filwaqt li rrikonoxxa l-isfidi tat-traffiku li jista’ jġib miegħu dan il-proġett, Dr Muscat qal li l-Gvern beda jaħseb għal dan billi ħabbar li s-servizz tat-trasport pubbliku li jgħaddi mill-mina se jkun b’xejn.

Il-Mexxej Laburista rrefera għal għadd proġetti infrastrutturali li qed isir f’Għawdex fosthom il-bini ta’ sptar ġdid u l-iskola medika ta’ Barts. Dr Muscat qal li l-ħolma tiegħu hi li fis-snin li ġejjin il-Maltin jibdew jitilgħu jaħdmu f’Għawdex. Qal li dan huwa l-mod kif l-ekonomija tista’ tkun sostenibbli.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar