Lokali
Il-PM jgħid li lest li jagħmel tibdil fil-Kostituzzjoni iżda mhux se jneħħi lill-AĠ u lill-Kummissarju

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indika fil-Parlament li għaddej djalogu wiesa’ dwar il-konvenzjoni kostituzzjonali u tenna li l-Gvern lest jagħmel ċertu tibdil li jista’ jsir iżda mhux lest li jneħħi l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali kif qed titlob l-Oppożizzjoni għaliex m’hemmx raġuni biex dawn jitneħħew. Dr Muscat iddikjara wkoll li l-Gvern lest jiddiskuti l-mozzjoni tad-Deputat Chris Said biex jinħatar bord ħalli jinvestiga l-allegazzjonijiet li għamlet Daphne Caruana Galiza. Il-Prim Ministru ċaħad li l-Gvern xi darba qal li l-Budget huwa irrelevanti u stieden lill-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia biex jieħu r-riedni f’idejh biex l-Oppożizzjoni ma tispiċċax hi irrelevanti.

Dr Muscat qal dan meta wieġeb għal intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni li fil-bidu tas-seduta qal li wara l-qtil ta Daphne Caruana Galizia, l-Oppożizzjoni ma tridx li l-Kamra tibqa’ għaddejja qiesu ma ġara xejn. Dr Delia qal li l-Oppozizzjoni kienet għamlet proposti għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet inkluż li tissejjaħ il-konvenzjoni kostituzzjonali. Huwa qal li s’issa l-Gvern m’għa0mel xejn fuq dawn il-proposti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fil-Kamra kien hemm qbil fuq l-urġenza tad-dibattitu wara l-qtil tas-sinjura Caruana Galizia u l-Oppożizzjoni mhix ser tħalli li l-affarijiet jibqgħu għaddejjin qiesu xejn mhu xejn.