Politika
AĠĠORNAT: Il-PM jgħid li mhux se jitlaq la qabel u lanqas wara l-baġit

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li mhux biħsiebu jitlaq la qabel, la waqt u lanqas wara l-baġit.

Dr Muscat qal li l-iktar ħaġa importanti hi mhux li l-Gvern jikteb il-baġit iżda li jimplimentah biex il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem.

Il-Prim Ministru qal li fost il-prijoritajiet tal-baġit, il-Gvern se jkompli jaħdem biex jeqred il-faqar filwaqt li jgħin biex itejjeb il-pagi tal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li fil-btajjel tas-sajf il-ħidma tal-Gvern baqgħet għaddejja bi tħejjija għall-baġit. Dr Muscat iddidkjara li mhux biħsiebu jitlaq la qabel, la waqt u lanqas wara l-baġit. F’intervista fuq ONE RADIO, Dr Muscat qal li l-iktar ħaġa importanti hi l-miżuri tal-baġit ma jibqgħux fuq il-karta iżda li jiġu implimentati biex il-pajjiż ikompli jimxi ‘l quddiem.

Dr Muscat qal li fil-baġit, il-Gvern se jkompli jaħdem biex joħloq middle-class ġdid billi jara li min sejjer tajjeb, ikompli sejjer tajjeb. Stqarr li l-Gvern determinat li jeqred il-faqar u li l-ebda tifel jew tifla li jgħixu f’familja fejn hemm mill-inqas persuna taħdem, ma tkun fil-periklu tal-faqar. Dwar il-pjan ekonomiku, Dr Muscat qal li l-Gvern se jkompli jgħin lill-intrapriżi jinvestu għax il-Gvern kien, għadu u jibqa’ pro-business.

Il-Prim Ministru tkellem b’sodisfazzjon dwar kif fl-aħħar seba’ snin ma kienx hawn diskussjoni dwar il-qgħad. Qal iżda li kien hawn diskussjoni fuq il-bżonn ta’ aktar ħaddiema, fosthom ħaddiema barranin. Dwar ir-rapport tal-Moneyval, Dr Muscat qal li rapporti ta’ dan il-kumitat dejjem kienu kritiċi tal-pajjiż. Qal li l-Gvern għamel lista ta’ affarijiet li għandu jagħmel u jinsab fiduċjuż li l-punti li tqajmu jiġu implimentati.

Dwar il-liġi tal-kera, Dr Muscat qal li għall-ewwel l-Oppożizzjoni dehret li taqbel mar-riforma iżda wara li tkellmu l-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-Oppożizzjoni biddlet fehmitha. Huwa qal li jifhem li dawn l-għaqdiet jitkellmu għall-membri tagħhom imma ma jifhimx kif l-Oppożizzjoni biddlet il-pożizzjoni tagħha, meta qabel kienet titkellem favur l-inkwilini. Dr Muscat sostna li l-liġi hija bilanċjata.

Dwar l-indafa, il-Prim Ministru stqarr li mhuwiex sodisfatt bil-kordinazzjoni bejn l-entitajiet ikkoċernati. Dr Muscat qal li f’Novembru se tkun organizzata konferenza nazzjonali dwar l-indafa, u bis-sehem tal-partijiet ikkonċernati, jitjiebu s-sistemi preżenti għall-ġid ta’ kulħadd.

Bir-riforma għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, li qal minn kif jidher l-Oppożizzjoni taqbel magħha, Dr Muscat qal li għandu jidħol fis-seħħ mekkaniżmu biex jattira aktar nisa fil-politika.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena f’Malta jfeġġu madwar 20 każ ta’ kanċer fit-testikoli. Hu stmat li kull sena jmutu żewġt irġiel b’dan il-kanċer. Stħarriġ li sar ix-xahar li għadda wera li tnejn minn…

Kronaka

Lejlet it-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tnieda rapport imħejji minn Reporters Without Borders u The Shift News dwar ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ il-qtil, l-investigazzjoni li saret dwaru, ir-reazzjoni…

Immigrazzjoni

L-AFM għaddejja b’operazzjoni ta’ salvataġġ biex issalva 76 immigrant, fosthom 15-il mara li wħud minnhom qed iġorru tarbija, li jinsabu f’diffikultà bejn sema u ilma. Id-dgħajsa, li fuqha jinsabu l-immigranti,…

Kronaka

George Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talab mill-ġdid għas-sospensjoni tal-proċeduri kontrih. L-avukat ta’ Degiorgio, Dr William Cuschieri talab lill-Prim Awla biex tissospendi l-proċeduri kontrih fil-Qorti…

Aktar