Politika
AĠĠORNAT: Il-PM jgħid li ta direzzjoni biex sal-lum jinstab il-ftehim ma’ Vitals

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ta direzzjoni biex sal-lum jinstab il-ftehim fil-prinċipju li kien ġie ffirmat mill-Gvern mal-Vitals Global Healthcare qabel ma ħarġet is-sejħa għall-offerti dwar it-tmexxija tat-tliet sptarijiet: San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

“Jien għamilt pożizzjoni ċara. Dak id-dokument irid jinstab u tajt deadline sal-lum biex jinstab,” qal il-Prim Ministru.

L-Awditur Ġenerali f’rapport ippubblikat ġimgħa ilu esprima l-fehma li dan il-ftehim kien jipprovdi raġunijiet biex il-VGH jiġi skwalifikat mill-offerti, u kkonkluda li fil-proċeduri li ntużaw għall-għoti ta’ din il-konċessjoni kien hemm nuqqas serju ta’ governanza u integrità. Dr Abela tenna li mhuwiex sodisfatt b’dak li sab l-Awditur Ġenerali u saħaq li dan id-dokument għandu jingħata lill-Awditur.

Il-Prim Ministru qal li trid issir distinzjoni bejn Vitals Global Healthcare u Steward, li ħadu t-tmexxija tat-tliet sptarijiet mingħand il-VGH. Qal li l-Gvern għadu għaddej b’diskussjonijiet ma’ Steward Health Care biex issir reviżjoni tal-kuntratt.

Mistoqsi dwar il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, li se jkun fost it-temi diskussi fis-summit tal-mexxejja Ewropej fi tmiem din il-ġimgħa, Dr Abela qal li l-Gvern hu impenjat li jġib l-aqwa pakkett għal Malta.

Jien konvint li se nġibu l-akbar budget li qatt kellu pajjiżna u tabilħaqq dawn huma fondi importanti biex nibqgħu mmexxu ‘l quddiem l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.

Minbarra l-elf biljun ewro skorruti tal-budget Ewropew, fi tmiem il-ġimgħa fi Brussell mistennija wkoll diskussjoni dwar pakkett ta’ rkupru b’valur ta’ €750 biljun ewro oħra maħsuba biex jagħmlu tajjeb ghall-problemi ekonomiċi li kkawżat il-pandemija.

Dwar il-kwistjoni li għaddejja minnha l-Oppożizzjoni, Dr Abela qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara hu kif se joħroġ mill-isqaq li daħal fih hu stess.

Tista’ ssegwi hawn il-kummenti kollha li ta l-Prim Ministru lill-midja:

Ara wkoll:

Il-Prim Ministru qal li d-dokument dwar il-konċessjoni tat-3 sptarijiet ma nstabx