Politika
Il-PM jgħid li ta’ warajh għandu bżonn l-ispazju kollu biex jagħmel dak li jemmen huwa l-aħjar

Fit-tieni ħadd ta’ attivitajiet mal-poplu qabel jirriżenja x-xahar id-dieħel, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal f’ Ta’ Sannat qal li l-iżbalji u n-nuqqasijiet li saru ser jitgħabba bihom hu u ser jagħti l-ispazju kollu lill-Prim Ministru l-ġdid waqt li tenna li ż-żewġ kandidati għat-tmexxija Chris Fearne u Robert Abela għandhom il-ħiliet kollha biex imexxu ’l quddiem il-moviment u għandhom ikollhom l-ispazju kollu biex iwettqu dak li jemmnu li huwa l-aħjar.

Dr Muscat qal li għamel l-għażla li kellu jagħmel biex is-suċċessur tiegħu jibda paġna ġdida u jibni fuq il-ħafna tajjeb li sar. Il-Prim Ministru qal li ż-żewġ kandidati għandhom il-viżjoni li żommu l-ideal ta’ moviment u jikkoreġu l-iżbalji li saru. Ħeġġeġ lill-membri tal-Partit Laburista biex jipparteċipaw fil-proċess tal-għażla ta’ mexxej ġdid. Qal li għandu jingħata sinjal b’saħħtu ta’ demokrazija li taħdem f’dan il-moviment. Il-Mexxej Laburista qal li waqt li lill-ħaddieħor dan il-proċess qasmu, lill-moviment ser jgħaqqdu iktar minn qatt qabel.

Il-Prim Ministru qal li fil-ħajja pubblika ma tistax tkun tat-tajjar. Stqarr li kien hemm min gideb fuqu u fuq martu iżda kienu lesti għal dan kollu. Huwa qal li l-pajjiż m’għandux bżonn mibegħda, iżda l-għaqda. Qal li hemm min qed jipprotesta b’mod ġust, u oħrajn b’mod inġust. Qal li ma jsibx problema li jipprotestaw fil-konfront tiegħu, iżda qal li m’għandhomx jipprotestaw kontra l-membri tal-korpi dixxiplinati li qal jagħmlu xogħol kbir għal pajjiż.

Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista beda l-istorja tiegħu fil-Gvern b’defiċit u dejn, waqt li tkellem dwar il-kisbiet li saru speċjalment f’Għawdex. Qal li l-Prim Ministru l-ġdid ser ikollu sentejn u nofs oħra biex iwettaq il-manifest elettorali li l-poplu ivvota b’saħħa għalih fl-2017. Dr Muscat qal li lill-Prim Ministru ġdid mhux ser iħallilu dejn u defiċit, iżda surplus, kaxxa ta’ Malta b’saħħitha, u Fond għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku li fih sitt mitt miljun imġemmgħin. Qal li jinsab ċert li minn ġej warajh ser jieħu ħsieb dawk il-flus u ser jużahom bilgħaqal.

Dr Muscat qal li l-Gvern qed joħloq investiment bla preċedent u xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Il-Prim Ministru Muscat qal li Għawdex issa għandu ċentru għall-innovazzjoni u waħda mill-aqwa universitajiet tal-Ewropea fetħet l-iskola medika tagħha mhux f’Malta, iżda f’Għawdex. Huwa qal li dan sar b’rieda politika jinsab ċert li s-suċċessur tiegħu ser iġib aktar investiment f’Għawdex.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Sal-lum ma kienx faċli li wieħed jikseb informazzjoni dwar l-antenati tiegħu li jmorru lura qabel l-1863 meta bdew jiġu rreġistrati kull twelid, żwieġ u mewt f’Malta u Għawdex. Ħafna minn…

COVID-19

Il-Gvern illejla ħabbar li minn grupp ta’ immigranti li lbieraħ iddaħħlu Malta ġew iżolati u sarilhom swab test għall-Covid19, fejn 16 minnhom irriżultaw fil-pożittiv. Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim…

Kultura

Bħal għada filgħaxija, lejlet il-festa tas-Salvatur f’Ħal Lija, id-dilettanti tan-nar kienu joħonqu ż-żoni ċentrali ta’ Malta biex isegwu l-ispettaklu ferm mistenni tal-logħob tan-nar. Din is-sena, minflok fl-għelieqi jħejju għal dan…

Infrastruttura

Beda xogħol ta’ manutenzjoni u mmodernizzar tal-mini prinċipali li għandna fit-toroq Maltin. Il-proġett mhux se jieqaf biss ma’ tiswijiet u titjib fil-faċċati u l-ħitan biex ikollhom dehra isbaħ, iżda Infrastructure…

Aktar