Lokali
Il-PM jħabbar li fis-7 ta’ Ġunju se jitqassmu b’€45 miljun f’vouchers

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, ħabbar li fis-7 ta’ Ġunju li ġej se jitqassmu b’€45 miljun f’vawċers lill-familji bil-għan li jgħinu lin-negozji l-iktar milqutin mill-pandemija. F’intervista virtwali fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li kull persuna ‘l fuq minn 16-il sena se tirċievi vawċer ta’ €100 biex issarrafhom f’dan il-perjodu meta tinfetaħ l-attività ekonomika. Dr Abela tenna l-appell biex in-nies ikomplu jitlaqqmu kontra l-Covid-19 waqt li qed jitneħħew iktar restrizzjonijiet filwaqt li assigura li l-pajjiż se jkollu biżżejjed tilqim għall-poplu kollu.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru d-dettalji dwar it-tieni sett ta’ vawċers li se jitqassmu fis-7 ta’ Ġunju li ġej għall-familji biex jonfquhom fin-negozji li ħadu daqqa ta’ ħarta bil-pandemija. Dr Abela spjega kif din il-miżura se ssir b’investiment ta’ €45 miljun. Il-Prim Ministru qal li fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju tkun infetħet l-attività ekonomika fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru tkellem fuq il-qasam tax-xogħol u qal li bl-iskema tas-suppliment tal-pagi tal-ħaddiema l-Gvern salva 100,000 impjeg li jammontaw għal nofs il-ħaddiema fis-settur privat. Irrimarka li t-tbassir kien li bil-pandemija 50,000 persuna se jispiċċaw qiegħda.

Dr Abela qal li minflok mexa b’politika ta’ awsterità kif għamel ħaddieħor fil-passat, 14-il xahar ilu l-Gvern ħa deċiżjoni strateġika u investa bis-saħħa fin-nies. Argumenta li effett ta’ dan bħalissa l-qgħad jinsab fil-livelli ta’ qabel faqqgħet il-pandemija. Tenna li l-Gvern se jibqa’ ta’ spalla għal kulħadd.

Dwar il-programm ta’ tilqim, il-Prim Ministru tenna l-appell biex in-nies ikomplu jitlaqqmu. Argumenta li t-tilqim hu s-soluzzjoni primarja biex tingħeleb il-pandemija anke għaliex il-pajjiż se jiftaħ għat-turiżmu b’mod proattiv mill-1 ta’ Ġunju. Waqt li rrikonoxxa li jista’ jkun hemm żgħażagħ li juru xettiċiżmu dwar it-tilqima, Dr Abela qal li jkun żball kbir jekk dawn ma jitlaqqmux kontra l-Covid-19.

Il-Prim Ministru qal li l-green certificate kien is-suġġett prinċipali fis-summit informali tal-mexxejja Ewropej. Spjega li l-pjan hu li ċ-ċertifikat jingħata lil tliet faxex ta’ nies: dawk li tlaqqmu, dawk li jkollhom test negattiv u dawk li laqqtu l-virus u jkunu bnew l-immunità għalih. Indika li dan iċ-ċertifikat jista’ jkum meħtieġ f’diversi attivitajiet fosthom dawk ta’ divertiment.

Dr Abela qal li s-servizz tal-fast ferry fl-1 ta’ Ġunju se jbiddel il-vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer minħabba li se jġib iktar turiżmu lejn Għawdex. Il-Prim Ministru qal li jrid li Għawdex isir carbon neutral b’mira iktar ambizzjuża minn dik ta’ Malta.

Il-Prim Ministru qal li dan kollu juri li n-nies ma jridux politika ta’ mibegħda iżda Gvern li jżomm kelmtu u jwettaq il-proġetti. B’referenza għall-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru qal li llum qed jaħsad il-frott tal-politika li żera’ hu stess. Dr Abela qal li jrid irkupru ekonomiku b’saħħtu u tenna li l-Gvern se jibqa’ umli b’idejh fuq il-polz tan-nies.