Politika
AĠĠORNAT: Il-PM jħabbar li għada l-kabinett se jiddiskuti l-bidla fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li għada se jlaqqa’ l-kabinett u l-grupp parlamentari Laburista biex jiddiskutu pjan bil-għan li titwettaq ir-riforma fil-liġi tal-kera li tindirizza lil dawk li krew propjetà qabel l-1995. Dr Abela qal li b’din ir-riforma se jkunu indirizzati inġustizzji li ilhom għexieren ta’ snin isofru minnhom sidien tal-propjetà u inkwilini, u assigura li ħadd mhu se jispicca bla saqaf fuq rasu.

F’attività politika fil-Kalkara, il-Prim Ministru ħabbar il-pjani tal-Gvern għar-riforma fil-liġi tal-kera intiża li tindirizza inġustizzji li ilhom isofru sidien u inkwilini ta’ propjetajiet mikrija qabel l-1995. Dr Abela qal li l-pjan għandu tliet prinċipji – min jistħoqqlu protezzjoni se jibqa’ jkollu saqaf fuq rasu; min jistħoqqlu l-protezzjoni ta’ kirja soċjali l-Gvern se jara li ħadd ma jitgħabba b’kirja li ma jiflaħx iħallasha; u sidien tal-propjetà jingħataw kumpens xieraq tal-propjetà tagħhom.

Il-Prim Ministru spjega kif l-Awtorità tad-Djar se jkollha taqsima apposta li se tmexxi l-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma. Dr Abela qal li l-Gvern baqa’ pijunier fit-twettiq tal-ġustizzja soċjali mhux b’din ir-riforma biss, iżda wkoll b’inizjattivi oħrajn fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Il-Mexxej Laburista għamel referenza għal dak li sejjaħ bħala l-ikbar proġett tal-akkomodazzjoni soċjali b’investiment ta’ mitt miljun ewro.

Dr Abela qal li l-Gvern ma jrid li ħadd jaqa’ lura fosthom żgħażagħ u familji ġodda li ffrankaw f’eluf ta’ ewro ta’ taxxa fix-xiri tal-ewwel u t-tieni propjeta’ tagħhom, u għajnuna fuq self għal dwk li għaddew minn proċess ta’ separazzjoni. Minkejja dawn l-isfidi, semma kif Malta għandha fost l-għola rati ta’ nies sidien ta’ darhom fl-Unjoni Ewropea. Qal li 80% tan-nies huma sidien ta’ darhom u 60% m’għandhomx dejn fuq id-dar.

Il-Prim Ministru Abela qal li f’nofs pandemija, il-Gvern baqa’ għaddej bir-riformi, u se jkomplli jwettaq oħrajn ġodda. Semma fost l-oħrajn ir-riforma fl-użu responsabbli tal-kannabis, u qal li mhux se jibqa’ aċċettabbli li żgħażagħ jiġu arrestati għax inqabdu b’joint. Sostna li l-Gvern beda jbiddel biex iwettaq ġustizzja biż-żgħażagħ u flok il-Qorti bdew jidhru quddiem tribunal, iżda Dr Abela qal li se jkomplu jsiru tibdiliet biex jiġu ndirizzati dak li sejjaħ bħala inġustizzji soċjali, u rrefera wkoll għal riformi oħrajn fil-liġi tad-divorzju, fis-settur tal-enerġija u fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Dwar it-tilqim tal-Covid, Dr Abela qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni dejjem tmaqdar u tikkritika, il-Gvern qal bil-fatti baqa’ l-aqwa pajjiż tal-Unjoni Ewropea fl-għoti tat-tilqim. Dr Abela temm jgħid li l-Partit Laburista mhux se jistrieħ fuq dak li kiseb kemm ilu fil-Gvern imma se jkompli jaħdem biex imexxi dan il-pajjiż ‘il quddiem.