Lokali
Il-PM jħabbar li llum stess se jippubblika l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li llum se jkun qed jippubblika r-rapport tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galzia. F’ittra mibgħuta lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Prim MInistru qal li r-rapport tlesta u jinsab għandu.

Dr Abela qal li b’hekk, se jkun qed jitlaqqa’ l-Parlament għada fid-9.00 ta’ filgħodu, bil-ħin ta’ diskussjoni maqsum indaqs bejn iż-żewġ naħat, sabiex jiġi diskuss l-eżitu tal-inkjesta. Id-dibattitu se jkun mingħajr vot.

F’ittra separata li bagħat lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar xhur il-Parlament kien xhieda ħajja ta’ għadd ta’ riformi li saru, u li l-istess għandu jibqa’ jsir fil-futur. Qal li dawn il-proċessi qed iwasslu għal iktar ġustizzja u għall-qafas demokratiku ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex fid-diskussjoni parlamentari jinġibed ħabel wieħed biex l-interess nazzjonali jirbaħ fuq il-partiġġjaniżmu.

Fil-15 ta’ Lulju li għadda, il-bord ta’ mħallfin li mexxa l-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien ħabbar li lesta l-inkarigu mogħti lilu.

Il-bord magħmul mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, l-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro kien inħatar f’Novembru tal-2019, wara qbil bejn il-Gvern u l-familja Caruana Galizia dwar il-membri tal-bord tal-inkjesta u t-termini ta’ referenza tagħha.

Il-bord tal-inkjesta kien immexxi mill-Imħallef Emeritu Mallia. L-inkjesta kellha tintemm fi żmien 9 xhur, iżda l-bord kien talab għal estensjoni sakemm tinstema’ x-xhieda kollha u jitlesta r-rapport finali.

Intant fi srtqarrija, il-Bord għarraf lill-pubbliku li ppreżenta lill-Prim Ministru r-rapport li kkonkluda l-Inkjesta Pubblika. Avża wkoll li r-rapport flimkien man-Noti ta’ Sottomissjonijiet u x-xhieda qed jiġu ppubblikati minnu aktar tard illum stess fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Ara l-ittra li l-Prim Ministru bagħat lill-Ispeaker u lill-Kap tal-Oppożizzjoni:

Ittra lill-Ispeaker

Ittra lill-Kap tal-Oppożizzjoni