Ekonomija u Finanzi
Il-PM jħabbar li mil-lum jistgħu jitniżżlu l-vawċers tal-€100

Mil-lum kull min għandu iktar minn 16-il sena jista’ jniżżel mis-smartphone il-€100 vouchers li se jistgħu jibdew jissarrfu mis-7 ta’ Ġunju/ Kull min ma jniżżilhomx, il-vouchers se jirċeviehom id-dar bil-posta/

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li b’kollox se jitqassmu b’kemm jiswew €50 miljun f’vouchers li se jiġġeneraw lill-ekonomija meta se jintefqu f’diversi negozji li kienu magħluqin matul ix-xhur li għaddew tul il-pandemija/

Il-vouchers jikkonsistu f’€60 biex jintefqu f’lukandi, ristoranti, bars u skejjel tal-għaddasa u €40 li jistgħu jintużaw fi ħwienet tal-ħwejjeġ, tax-xagħar u tas-sbuħija, klabbs sportivi u gyms, mużewijiet, u postijiet oħra/

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, tħabbar li l-vouchers jammontaw mal-€50 miljun, li se jintefqu għand in-negozji li fl-aħħar xhur kellhom jagħlqu l-bibien minħabba l-pandemija.

Dr Abela qal li se jitqassmu erba’ vouchers ta’ €15, għal total ta’ €60, li jistgħu jintefqu f’ristoranti, barijiet, lukandi, postijiet ta’ akkomodazzjoni, u skejjel tal-għaddasa, kif ukoll se jingħataw erba’ vouchers oħra ta’ €10 b’valur ta’ €40 li se jkunu jistgħu jintużaw fi ħwienet tal-ħwejjeġ u tas-sbuħija, gyms, mużewijiet, u ċentri kulturali.

B’differenza mis-sena li għaddiet intqal kif issa wieħed jista’ jniżżel il-vouchers direttament fuq il-mobile tiegħu, u li għandu sal-4 ta’ Ġunju biex jagħmel dan. Wara din id-data se jsir rendikont ta’ dawk kollha li ma niżżlux il-vouchers u lil dawn il-persuni jintbagħtulhom il-vouchers id-dar bil-posta.

Il-Prim Ministru qal li l-iskema ta’ vouchers tas-sena li għaddiet rendiet id-doppju lill-ekonomija Maltija, bl-iskema mħabbra l-Ħamis tidher li se tħalli iktar, hekk kif anke fi kliemu, din is-sena hemm is-serħan il-moħħ li l-pajjiż qed jimxi b’mod kawt, u li fl-istess waqt għaddej programm qawwi ta’ tilqim.

“Fl-ewwel rawnd ta’ vouchers li ħareġ is-sena li għaddiet, għal kull ewro voucher in-nies li rċevewhom kienu nefqu ewro ieħor, iġifieri is-sena li għaddiet li kellna b’€45 miljun f’vouchers, li ħarġu f’Ġunju tal-2020, dawn wasslu għal nefqa ta’ madwar €90 miljun.”

Il-Ministru Schembri qal li l-vouchers jistgħu jitniżżu mis-sit wallet.vouchersmimcol.com, u li jistgħu jitniżżlu b’mod immedjat. Wieħed għandu juża l-E-ID tiegħu, jew inkella joħloq kont onlajn permezz tal-numru tal-identità tiegħu. Kull dar f’Malta u f’Għawdex se tirċevi fuljett li jispjega eżattament kif taħdem din is-sistema.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li fl-ewwel round tat-tqassim tal-vouchers ġew salvati 1,900 impjieg.

“B’kollox negozji taħt dawn il-legal notices hemm 25,000, u allura hemm 25,000 li huma eleġibbli li jistgħu jaċċettaw dawn il-vouchers. U jekk wieħed jara l-attività ekonomika li ġġeneraw l-ewwel edizzjoni, dik l-attività ekonomika kienet b’saħħitha tant li sostniet 1,900 impjieg.”

Il-Ministru Schembri qal li d-diġitilizzazzjoni tal-vouchers fiha għadd ta’ vantaġġi, fosthom li wieħed se jkollu l-vouchers il-ħin kollu miegħu, u li dawn jistgħu jiġu trasferiti jew imqassma. Spjega li meta wieħed iniżżel il-vouchers fuq il-mobile jista’ anke jużahom sabiex iħallas b’mod remot meta jordna oġġett bid-delivery.