Lokali
Il-PM jħabbar li minn għada jibdew jintbagħtu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li min għada se jibdew jitqassmu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa lil xejn anqas minn 250,000 persuna. Dan tħabbar waqt sessioni ta’ konsultazzjoni pubblika dwar id-dokument ta’ qabel il-budget f’Ħaż-Żabbar.

Il-Prim Ministru qal li l-Budget li jmiss  se jimxi ma’ prinċipji fejn ħadd ma jitħalla barra għax qal li l-qasam soċjali huwa s-sinsla li jemmen fih dan il-Gvern. Huwa fakkar li kien dan il-Gvern li nieda inċentiv bħal Making Work Pay u Childcare b’xejn fost l-oħrajn. Fakkar ukoll li minkejja l-pandemija, Malta qiegħda tara l-anqas rata ta’ nies qiegħda u komplew jinħolqu l-impjiegi filwaqt li pajjiżi oħra għadhom ibatu b’konsegwenza tal-pandemija

Il-Ministru tal-Finanzi u Impjieg Clyde Caruana ta ħjiel ta’ xi miżuru se jingħataw fil-Budget li ġej. Fosthom semma r-riżorsi li jibqgħu jiżdiedu għall-mediċini u inċentivi għal min jixtieq jibqa’ jaħdem fost oħrajn . Semma wkoll li se tkompli tiġi indirizzata l-problema tal-kirjiet, xiri ta’ propjetà u miżuri favur il-familja. Semma wkoll li se jkunu qegħdin jiġu indirizzati vittmi u l-familji ta’ min mess mal-problemi li ħoloq l-asbestos.  Il-Ministru Caruana qal li l-gvern mhuwiex se jaħrab mill-għoli tal-prezzijiet li kkawżat il-pandemija u se jara kif tista’ tiġi kkontrollata.

Il-Ministru kkonkluda billi qal li dan se jkun budget li se jipprovdi viżjoni għas-snin li ġejjin sabiex ilkoll flimkien inħallu pajjiż aħjar lil uliedna.