Politika
AĠĠORNAT: Il-PM jħabbar li se jinxtraw 80,000 tilqima oħra tal-Moderna b’nefqa ta’ €2 miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-Kabinett ittieħdet id-deċiżjoni biex jinxtraw 80,000 doża oħra tat-tilqima tal-Moderna, b’nefqa ta’ €2 miljun. Meta kien qed jindirizza l-Parlament illejla, il-Prim Ministru fakkar kif fl-istess waqt ilbieraħ waslu f’Malta 14,040 doża tat-tilqima tad-ditta Pfizer/BioNTech.

Il-Prim Ministru rrefera għall-fatt li  pajjiżna jinsab l-ewwel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fir-rata tal-amministrazzjoni tal-vaċċin, u sostna li dan ma seħħx b’kumbinazzjoni, iżda huwa sforz pjan ċar li għandu l-Gvern. Żied li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jintensifika r-roll out tal-vaċċin bl-għan li naqbdu t-triq tal-irkupru ekononimku fl-eqreb żmien possibbli.

B’referenza għal-laqgħa virtwali li saret bejn il-membri tal-Kunsill Ewropew il-Ħamis li għadda, il-Prim Ministru spjega kif fost oħrajn ġie diskuss iċ-ċertifikat tal-vaċċin, fejn il-mexxejja qablu bejniethom li jkun hemm koordinament fuq ‘prova ta’ vaċċin’ li tkun komuni f’kull pajjiż.

Il-Prim Ministru qal li dwar dan kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, għaliex jemmen li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jista’ jkun għodda importanti biex jiffaċilita aktar il-moviment ħieles tal-persuni.

Dwar ir-restrizzjonijiet, Dr Abela qal li l-ħidma tal-awtoritajiet tas-saħħa qed tirrendi f’miżuri kalibrati u enfasizza li mhux se jiġi impost lockdown.

Saħaq li għada se jitħabbru miżuri li se juru kif jista’ jintlaħaq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, biex mill-1 ta’ Marzu l-pajjiż jibda t-triq u nirritornaw għan-normalità fl-eqreb żmien possibbli.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-Gvern għandu jkun trasparenti fil-ħidma b’rabta mal-Covid

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-Gvern għandu jkun trasparenti fil-ħidma li qed issir b’rabta mal-Covid, minħabba l-pressjoni li qal hemm fuq is-servizzi tas-saħħa.

Dr Grech qal li t-tħabbir ta’ iktar miżuri jikkuntrasta mal-messaġġi tal-Prim Ministru iktar qabel dwar il-Covid u qal li l-Oppożizzjoni hija kontra lockdown, iżda li għandhom jiddaħħlu miżuri biex jitjiebu l-kontrolli eżistenti.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni taqbel li għandu jkun hemm sforz komuni għaż-żieda fit-tilqim kontra l-Covid u staqsa għaliex il-Gvern mhux qed juża l-ispiżeriji fl-għoti tal-vaċċin.

Dr Grech qal li fejn jidħol distribuzzjoni tal-vaċċin jaqbel mal-pożizzjoni adottata tal-Kunsill Ewropew.

Jekk it-tilqima tal-AstraZeneca tittardja, xorta hemm biżżejjed biex jitlaqqam kulħadd – Id-Deputat PM

Intant, fil-Parlament ukoll, id-Deputat Prim Ministru Chis Fearne qal li jekk it-tilqima tal- Astrzeneca tittardja biex tasal Malta, pajjiżna għandu biżżejjed dożi minn Pfizer u Moderna biex jitlaqqam il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Ministru Fearne qal li mill-ġimgħa d-dieħla se jitlaqqmu l-frontliners mhux mediċi bħall-Pulizija, l-Armata, u l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.