COVID-19
Il-PM jħabbar li se jiżdiedu l-pulizija fit-toroq biex tkun ikkontrollata l-pandemija

Fi tmiem l-ewwel sessjoni tas-summit, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li f’Malta se tiżdied il-preżenza tal-forzi tal-ordni fit-toroq biex tkun ikkontrollata aħjar il-pandemija, u ħeġġeġ aktar l-ilbies tal-maskri.

Mistoqsi minn TVM ftit wara li ħareġ mill-ewwel sessjoni tas-summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru qal li se jkun hemm aktar pulizija fit-toroq biex jaraw li l-miżuri imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa jiġu osservati.

“Se nżidu aktar l-infurzar tar-restrizzjonijiet billi nimmobilizzaw aktar pulizija u forzi tal-ordni fit-toroq biex jiżguraw li hemm rispett lejn miżuri li ħareġ id-dipartment tas-saħħa pubblika u ninkoraġixxu aktar l-ilbies tal-maskri. Nemmen li dawn iż-żewġ miżuri importanti immens u li se jgħinu biex inkomplu nżommu l-pandemija taħt kontroll,” qal Dr Abela.

Mistoqsi jekk f’każ li se jibqgħu jiżdiedu il-każi f’Malta, hux se jwassal biex jiżdiedu r-restrizzjonijiet, Dr Abela qal li se jimxi mal-parir li jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa, iżda żied li fil-kunsill sar appell biex ma jingħalqux l-ekonomiji.

“Iridu inżommu il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Anke fil-kuntest li hi sitwazzjoni li jaf iddum xhur, u mhux li tagħmel restrizzjonijiet jew iżżid restrizzjonijiet imma li kull restrizzjon li tagħmel trid tkun sostenibbli kemm għal short, medium u anke long term.”

Dwar n-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li hemm aktar inċertezza milli ċertezza. Kompla li waqt li l-istati membri se jibqgħu jaħdmu biex jilħqu ftehim, mhux se jkun wieħed li jintlaħaq akkost ta’ kollox, u żied li “jew deal tajjeb ghall-UE jew mhux ħa jintlahaq ftehim.”

Dr Abela qal li il-Gvern qed jaħdem qatigħ biex ikun preparat għax-xenarji kollha li jistgħu jinqalgħu.

Ara hawn il-kumment sħiħ tal-Prim Ministru:

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-Prim Ministru jattendi għal summit tal-Kunsill Ewropew