Politika
Il-PM iħabbar li tliet kumpaniji tal-manifattura f’Malta se jagħmlu investimenti kbar

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li tul il-pandemija l-Gvern żamm in-nies fl-impjieg bil-wage supplement, u dan ħoloq sens ta’ fiduċja. Ħabbar li tliet kumpaniji kbar fil-manifattura nfurmaw lill-Gvern b’investimenti multi-miljunarji ġodda f’Malta għaż-żmien li ġej. Qal li dan l-investiment iżomm is-suq tax-xogħol b’saħħtu.

Waqt li kien qed jitkellem fil-konferenza ġenerali annwali tal-Partit Laburista, Dr Abela qal li Malta rnexxielha tikkontrolla l-pandemija u tħares il-ħajja tan-nies, waqt li fl-istess ħin issalva l-għajxien tal-ħaddiema u żżomm l-ekonomija għaddejja.

Żied li fuq in-naħa l-oħra hemm il-Partit Nazzjonalista li qal kisser lill-Kap tiegħu u mar għal elezzjoni bikrija waqt pandemija. Kompla li bil-Kap il-ġdid, il-Partit Nazzjonalista beda jmexxi l-politika partiġġjana tal-passat.

Dr Abela qal li f’dan ix-xenarju l-poplu jrid jagħżel bejn l-għaqal u d-dilettantiżmu biex jiddeċiedi lil min irid jara jmexxi l-pajjiż.

Il-Mexxej Laburista rrefera għall-ġid kbir li qal sar fl-aħħar snin, fejn l-ekonomija mhux biss imxiet ‘il quddiem, imma kisret rekord wara l-ieħor. Qal li llum qed jirrifletti kif dan il-progress jista’ jkun iżjed iffukat lejn it-titjib fil-kwalità tal-ħajja.

F’dan il-kuntest irrefera għall-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq li saret spazju miftuħ ta’ 90 tomna, il-proġett għall-familji f’Ta’ Qali minflok fabbrika abbandunata, l-għeluq tal-impjant tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa, il-park f’Bengħajsa, u r-riġenerazzjoni tas-sit tal-eks power station fil-Marsa. Stqarr li dan jgħodd għal Għawdex ukoll.

Irrefera għal proġetti li qal iż-żerriegħa tagħhom diġà nżergħet fl-aħħar snin. Filwaqt li ddeskrivihom bħala interessanti u meħtieġa, iddikjara li ta direzzjoni ċara li jridu jsiru bidliet biex ikun imħares aktar l-ambjent.

Dr Abela qal li l-Partit Laburista mexxa l-proċess tal-100 Idea, li qal kien proċess miftuħ li ma ddejjaqx ikun kritiku u juri direzzjoni lill-Gvern.

Qal li kien hemm bżonn riformi radikali fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż biex ikollu governanza tajba u istituzzjonijiet b’saħħithom li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Sostna li huwa konvint mis-saltna tad-dritt u se jara li l-ġustizzja ssir ma’ kulħadd. Qal li l-Gvern saħħaħ l-istrutturi tal-pajjiż u l-liġijiet biex istituzzjonijiet internazzjonali li kienu kritiċi ta’ Malta rrikonoxxew il-progress kbir li sar.

Dr Abela temm b’appell biex in-nies tingħaqad ħalli fiż-żmien li ġej il-pajjiż ikollu l-ogħla standards ta’ tmexxija tajba, ta’ infrastruttura, ta’ ambjent isbaħ, u ta’ livell ta’ għajxien aħjar għal kull min jgħix f’pajjiżna.