Il-PM jiddikjara li r-rapport tal-Inkjesta se jkun pubblikat mill-ewwel

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li se jippubblika mill-ewwel ir-rapport ta’ inkjesta li qed issir minn tliet eks ġudikanti li ntalbu jinvestigaw allegazzjonijiet li saru dwar l-isparatura mix-xufier tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Intervistat illum għall-programm DISSETT li se jixxandar illejla fuq Television Malta, il-Prim Ministru qal li se jistenna li jirċievi r-rapport ta’ din l-inkjesta qabel ma’ l-Parlament jiddiskuti l-mozzjoni ta’ sfiduċja li l-Oppożizzjoni ressqet fil-Ministru Emanuel Mallia.

Dr Muscat m’eskludiex li jirreferi l-każ ukoll lill-Bord tal-Pulizija.

Jumejn mill-ħatra tal-Bord ta’ Inkjesta Indipendenti ffurmat minn tliet eks-ġudikanti biex jinvestigaw fost oħrajn kienx hemm xi ħadd li pprova jaħbi l-verita’ ta’ kif ġraw l-affarijiet fil-ħin li seħħet l-isparatura, hu mifhum li l-Imħallfin irtirati Alberto Magri, Joseph David Camilleri u Philip Sciberras bdew bil-ħidma tagħhom biex sat-Tnejn 8 ta’ Diċembru jkunu f’pożizzjoni jippreżentaw lill-Prim Ministru bir-rapport tagħhom.

Intervistat f’Dissett, il-Prim Ministru kkonferma li malli ġew avviċinati l-eks ġudikanti aċċettaw mill-ewwel l-inkarigu.

Hu m’eskludiex li jekk jitolbu għal estensjoni fiż-żmien biex ilestu r-rapport finali, din tingħatalhom, għalkemm wera l-fehma li hemm pressjoni biex ikunu determinati ċerti fatti.

Mistoqsi talabx lill-Bord tal-Pulizija jinvestiga kienx hemm nuqqasijiet fil-mod kif l-uffiċċjali tal-korp mexxew l-investigazzjonijiet dwar il-każ u l-proċeduri użati fil-post fejn waqfu l-vetturi tal-Ministru u tal-Iskoċċiż, il-Prim Ministru qal li jekk il-bord iħoss il-ħtieġa m’hemm xejn x’iżommu milli jibda jinvestiga minn jeddu.

Dr Muscat m’eskludiex li meta jkollu f’idejh ir-rapport tal-Bord tal-Inkjesta jirreferih lill-Bord tal-Pulzija.

Il-Prim Ministru qal li ma jarax ħtieġa li l-Ministru Emanuel Mallia kellu jissospendi ruħu mid-doveri ministerjali sakemm jitlesta r-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta u sejjaħ bħala prematura l-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Ministru tal-Intern.

F’dan l-isfond ikkonferma li l-mozzjoni mhix se tkun diskussa fil-Parlament qabel ikun pubblikat ir-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta.

Intant, fil-programm DISSETT li jixxandar illejla fis-6.45 p.m. jitħabbru dettaji ġodda dwar il-proġett tal-power station tal-gass, il-kodiċi tal-etika rivedut tal-Ministri, l-iskema taċ-ċittadinanza u kemm sewa lill-kaxxa ta’ Malta s-servizz tat-trasport pubbliku minn meta fl-ewwel tas-sena għadda f’idejn il-gvern.