Lokali
Is-setgħa li kellu l-PM li jagħżel il-ġudikanti ma tiksirx il-liġi tal-UE – il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa tal-prim ministru li jagħżel kandidati għall-ġudikatura magħżula għall-eliġibilità minn kummissjoni indipendenti, ma kinitx tmur kontra l-liġi tal-UE.

Il-Qorti Ewropea qalet dan f’sentenza li tat illum f’kawża li l-għaqda Repubblika fetħet kontra l-Gvern ta’ Malta.

Id-deċiżjoni ttieħdet fuq setgħat li kellu l-Prim Ministru qabel ir-riforma li wettaq il-gvern u li permezz tagħha, il-proċess kollu tal-għażla ġie fdat f’idejn il-Kumitat tal-Ħatriet Ġudikanti kif ukoll f’idejn il-President tar-Repubblika, bħala kap tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Qabel ir-riforma, il-Prim Ministru kellu s-setgħa li jagħżel hu l-maġistrati u l-imħallfin minn lista pprovduta lilu mill-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti li nħatar għall-ewwel darba fl-2016.

Madankollu t-tentattiv tal-Għaqda Repubblika li twaqqaf il-ħatra ta’ erba’ ġudikanti f’April tal-2019 meta pprotestat kontra s-setgħa tal-Prim Ministru li jagħżel il-kandidati minn lista pprovduta lilu minn dan il-kumitat, irriżulta li ma kinitx tmur kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ewropea sabet li l-ġudikatura f’Malta kellha garanziji legali li neħħew kull dubbju dwar l-indipendenza tal-membri tagħha jew il-prospett ta’ xi ndħil politiku.

Il-Qorti osservat ukoll li t-twaqqif tal-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti fl-2016 serva biex saħħaħ il-garanzija tal-indipendenza ġudizzjarja f’Malta meta mqabbel mas-sitwazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li kienu fis-seħħ meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti Ewropea qalet li dan il-kumitat għamel il-proċess tal-ħatriet tal-ġudikanti f’Malta aktar oġġettiv.

Qalet li għalkemm fl-2019, il-Prim Ministru kellu ċerta setgħa fil-ħatra tal-maġistrati u l-imħallfin, l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa kien wieħed limitat u msejjes fuq esperjenza professjonali.

Żiedet tgħid li għalkemm il-Prim Ministru seta’ jressaq quddiem il-President ismijiet ta’ kandidati mhux rakkomandati lilu mill-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti, huwa xorta kellu jikkomunika r-raġunijiet tiegħu lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Qalet li sakemm il-Prim Ministru jeżerċita s-setgħa f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss u jżomm konformità stretta u effettiva mal-obbligu ta’ motivazzjoni, dik is-setgħa mhix tali li twassal għal dubji leġittimi dwar l-indipendenza al-kandidati magħżula.

B’reazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li fi kliemu kkonfermat li l-Gvern qiegħed iwettaq dak li hu tajjeb u jirrispetta s-saltna tad-dritt f’Malta.

Fi tweet, Dr Abela qal li din id-deċiżjoni turi li r-riformi li qiegħed iwettaq il-Gvern ġew rikonoxxuti u s-sistema ġudizzjarja ta’ Malta ġiet effettivament imsaħħa għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin.

Repubblika tistenna d-deċiżjoni tal-Qrati Maltin

B’reazzjoni l-għada Repubblika qalet li ħadet nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u issa se tistenna d-deċiżjoni mill-Qrati Maltin. Qalet li ma kienx għaliha, il-Gvern ma kienx jirriforma s-sistema tal-ħatra tal-ġudikanti u kien jibqa’ bis-sistema l-antika. Hija żiedet tgħid li se tkompli bl-attiviżmu tagħha anke jekk ikollha tiġġieled il-każijiet fil-Qorti.

Tikkonferma kemm l-attakk tal-PN fuq l-istituzzjonijiet hu inġust – il-PL

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, il-PL qal li s-sentenza li ngħatat iktar kmieni llum tikkonferma kemm l-attakk tal-Partit Nazzjonalista fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huwa inġust. Qal li f’dan il-każ, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia kienu minn ta’ quddiem nett jassistu biex tinfetaħ din il-kawża kontra pajjiżna. Kawża li fi kliemu wriet, li lil hinn mid-diskors partiġġjan, ir-riformi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna saħansitra kienu mill-iktar ambizzjużi.

Qal li din is-sentenza hija konferma oħra tar-rieda li għandu l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela li jimmodernizza l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Temm jgħid li dan hu test ieħor għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li skontu mhux biss jieqaf jattakka l-istituzzjonijiet iżda jikkundanna l-esponenti tiegħu li barra minn xtutna qal li qed jagħmlu manuvri kontra pajjiżna.