Lokali
Il-PM f’laqgħa mal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem

Is-salvagwardji u l-implimentazzjoni li jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ġew diskussi f’laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu f’Kastilja mal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dunja Mijatovic.

Waqt il-laqgħa l-Prim Ministru Abela tkellem dwar il-ħidma intensiva li saret fl-aħħar xhur mill-Gvern biex ikompli jissaħħaħ il-qafas demokratiku f’Malta, il-governanza tajba, is-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa enfasizza l-impenn qawwi tal-gvern biex jassigura li l-ġurnalisti huma protetti aħjar u wiegħed l-appoġġ kollu tiegħu fl-isforzi li qed isiru biex isaħħu d-drittijiet tal-ġurnalisti fuq livell Ewropew.

Il-Prim Ministru Abela rrefera għall-isfidi miġjuba mill-influss kontinwu ta’ immigranti irregolari u l-ħtieġa għal solidarjetà effettiva u qsim ġust tar-responsabbiltà ma’ stati diversi, inkluż Malta, li jkomplu jiffaċċjaw pressjonijiet sproporzjonati.

Il-Kummissarju Mijatovic esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-ħidma tal-gvern u qalet li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari hija sfida tal-Unjoni Ewropea kollha u mhux ta’ ftit stati biss. Il-Kummissarju Mijatovic faħħret l-isforzi li qed isiru mill-Gvern b’rabta ma’ diversi rakkomandazzjonijiet li huwa impenjat jaħdem fuqhom bil-għan li jkompli jipproteġi ħidmet il-ġurnalisti.