Lokali
ARA: Il-PM jiltaqa’ mal-attivisti ta’ Occupy Justice

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’hemm l-ebda bażi morali, politika u legali biex l-Avukat Ġenerali jitneħħa, kif qed jitolbu l-attivisti tal-grupp ‘Occupy Justice’.

Fi stqarrija li qraw waqt laqgħa li rapprezentanti tal-attivisti kellhom mal-Prim Minisru f’Kastilja, huma qalu li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wera li s-sistema f’Malta falliet u akkużaw lill-Prim Ministru li huwa awtokratiku.

Min-naħa tiegħu, l-Prim Ministru qal li t-tajjeb u l-verità mhumiex monopolju ta’ xi ħadd u saħaq li li wieħed ma jistax jidħol għad-diskussjonijiet b’idea fissa f’moħħu jew b’pożizzjoni li ma tkunx lesta li tinbidel.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu jaqbel mat-talba tal-attivisti nisa tal-Occupy Justice li jeħtieġ bidliet fil-kostituzzjoni u l-liġijiet tal-pajjiż li kif indikat fil-mandat elettorali biex isiru f’din il-leġislatura.

F’laqgħa ma’ ħames rappreżentanti tal-‘Occupy Justice’ fil-Berġa ta’ Kastilja, Dr Muscat qal li ma jaqbilx mal-ġudizzju u t-talbiet tagħhom għat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

Il-Prim Ministru qal, “Jekk ikun il-mument illi persuna bħall-Avukat Ġenerali li rrid ngħid ma nħatarx minn dan il-Gvern imma nħatar minn amministrazzjoni preċedenti jitneħħa sempliċiment anke li kieku l-persuni kollha fil-Parlament jaqblu mat-tneħħija tiegħu għax dik hi rule of law li għandna f’pajjiżna nkunu qegħdin niksru r-rule of law għax m’hemm l-ebda tip ta’ bażi politika, morali u legali biex dan isir.”

Fil-laqgħa, l-attivisti akkużaw lill-Prim Ministru b’aġir awtokratiku u li qed juża l-pożizzjoni tiegħu biex l-istituzzjonijiet li suppost jissorveljaw l-aġir tal-Gvern jitmexxew minn nies li jissimpatizzaw miegħu. Qalu li m’għadhomx jistgħu jiftaħru li f’Malta m’hawnx periklu u li l-pajjiż m’għadux post tajjeb fejn trabbi ‘l uliedek. Talbuh jassigura li l-Kostituzzjoni u d-drittijiet u l-prinċipji fiha jkunu rispettati fl-interess tal-poplu kollu. Qalu li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wera li s-sistema falliet u r-responsabbiltà trid tintrefa’ mill-għassiesa tal-liġi u tal-ordni li fl-aħħar mill-aħħar jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru.

L-attivisti qalu li l-pajjiż jinsab mifrud, u nsistew li l-flus fil-but mhux biżżejjed, iżda jridu jgħixu f’soċjetà ħielsa li tirrispetta d-drittijiet tagħhom biex fi kliemhom il-pajjiż ma jibqax inixxi d-demm. Argumentaw li l-valuri nqerdu u t-tfal qed jitrabbew f’ambjent tossiku.

Il-Prim Ministru qal li huwa jirrispetta l-evalwazzjoni tagħhom għalkemm ma jaqbilx ma’ ħafna mill-punti li fiha, wera t-tama li jibqgħu għassiesa ta’ kull Gvern. Dr Muscat qal li ma jaqbilx magħhom li fis-soċjetà hawn il-firda fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax dan ġie kkundannat bla preċedent minnu u l-Gvern. Dr Muscat tenna l-istmerrija tiegħu għal xi kummenti li għamlu xi individwi. Dr Muscat qal li dmiru hu li jaġixxi fuq dak li l-Gvern jemmen fih u mhux fuq min jinbaħ l-iktar.

Wara li l-Prim Ministru sema’ l-istqarrija li qraw l-attivisti, kif isir is-soltu ried li jkompli jiddiskuti magħhom privatament. L-attivisti rrifjutaw u ħarġu ‘l barra.

F’kummenti lill-ġurnalisti, tennew it-talbiet tagħhom, “Aħna nibqgħu nsostnu l-messaġġ tagħna għaliex aħna nemmnu li wasalna f’punt fejn il-pajjiż tagħna m’għadux jgħix fis-serenità li ħaqqu u li ġġieldu għalih missirijietna imma qed ngħixu f’stat ta’ mibegħda politika illi sfortunatament mhux qed tiġi mxekkla mill-awtoritajiet li suppost jieħdu ħsibna.”

Waqt il-laqgha f’Kastilja, f’Misrah Kastilja inġabret ġemgħa mill-grupp Occupy Justice isejħu għal ġustizzja.

Fi tweet (ara hawn fuq), il-kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia qal li meta l-media telqu mil-laqgħa, il-Prim Ministru talab lill-attivisti biex jibqgħu jiddiskutu t-talbiet tagħhom, iżda dawn wieġbuh li m’għandhom xejn xi jżidu iktar.