Riċerka u Innovazzjoni
Ara minn ġewwa l-Hub tal-Innovazzjoni fix-Xewkija

Il-qasam industrijali tax-Xewkija kompla jiġġedded u fuq medda ta’ 9,000 metru kwadru, l-Malta Enterprise flimkien mal-Ministeru ta’ Għawdex żviluppa dak li qed isejjaħ bħala l-Hub tal-Innovazzjoni, li se jipprovdi spazju industrijali ġdid għal kumpaniji tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. Il-binja, li qabel kienet fabbrika tal-ħalib, ġiet trasformata f’ċentru li fih diġà qed joperaw kumpaniji min-Noovle Group, u J2Group2 li hija kumpanija Għawdxija li ngħaqdet ma’ Microsoft, biex jaħdmu fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u data analytics fost proċessi innovattivi oħra, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Karl Azzopardi.

“Dan hu proġett immirat biex jilħaq kumpaniji li qed jaħdmu fuq joint ventures, fejn jidħlu data, AI, u internet. Prattikament nafu li hemm ekonomija partikolari u d-dinja tal-manifattura wkoll riesqa ‘l hemmhekk. Ovvjament hija intenzjonata li dawn il-kumpaniji ikunu qed joperaw fejn qed jgħidulu disruptive technology.”

Fl-inawgurazzjoni, l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-proġett huwa ħolqa importanti fil-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex mutur ekonomiku sostenibbli għall-pajjiż kollu. Dr Muscat qal li l-Gvern qed jassoċja lil Għawdex mal-innovazzjoni u impjiegi li jħallsu tajjeb u li jtejbu l-livell ta’ għajxien tal-ħaddiem f’Għawdex. Huwa qal li l-Gvern qed iħares lejn l-innovazzjoni mhux biss bħala ċ-ċavetta tal-futur, iżda tal-preżent, biex isiru kontribuzzjonijiet f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, it-turiżmu, it-traffiku, il-loġistika, u s-sigurtà.

Il-Prim Ministru qal li mill-2012 ‘l hawn, l-Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess żdiedu b’aktar minn tliet elef. Hu qal li kull ġimgħa, kien hemm żieda ta’ għaxar impjiegi bil-maġġoranza tagħhom fis-settur privat.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li b’dan il-proġett nħolqot destinazzjoni prestiġġjuża biex l-innovazzjoni tikber mingħajr xkiel.

Il-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, qal li dan l-investiment flimkien mat-tieni fibre optic cable, huma simboli importanti tal-bidla ekonomika li qed is-seħħ.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Żewġ residenti li jgħixu fi Triq il-Baltiku, San Ġiljan qamu maħsuda hekk kif sabu l-karozzi tagħhom milquta. Resident li kkuntattja lil TVM qal li dan mhux l-ewwel inċident tax-xorti tiegħu…

Saħħa

Is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika qalet li qed tagħmel moniteraġġ kontinwu fuq is-sitwazzjoni fiċ-Ċina u li qed isegwi l-pariri tal-Organiżżazzjoni Dinija għas-Saħħa (WHO). Fi stqarrija, intqal li Malta qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha wara…

Mużika

Inawgurata fis-sena 1989, CAP-Sounds hija aġenzija tal-produzzjoni u l-ippubbiklar tal-mużika fil-qalba tal-Ġermanja li dejjem tat sapport u sostenn lill-artisti Maltin; sa mill-1996 meta Miriam Christine rrapreżentat ‘l Malta fil-Eurovision Song…

Aktar