Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Il-PM jipparteċipa fit-tieni jum tas-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew

Is-summit speċjali tal-mexxejja Ewropej dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, intemm illejla mingħajr ftehim finali, minkejja jumejn sħaħ ta’ laqgħat intensivi u negozjati.

L-ewwel jum tas-summit, l-ewwel wieħed għall-Prim Ministru Robert Abela, dam għaddej sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu mingħajr ebda żblokk fid-differenzi li hemm bejn dawk li jridu jnaqqsu l-baġitt u l-pajjiżi l-oħra li jridu baġit akbar biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Fit-tieni jum tas-summit saru iktar laqgħat bilaterali fi sforz biex tinstab bażi għal ftehim aħħar. Il-Prim Ministru Abela, barra laqgħat bilaterali, ħa sehem ukoll f’laqgħa tal-grupp favur il-politika ta’ koeżjoni li jridu iżjed fondi għall-baġit biex jiffinanzjaw il-proġetti ta’ żvilupp, biex jilħqu l-livell ta’ żvilupp tal-pajjizi l-aktar sinjuri tal-Unjoni Ewropea. Il-grupp Friends of Cohesion qed jisħaq li dawn il-fondi użati għall-iżvilupp fit-trasport u l-ambjent, m’għandhomx jitnaqqsu.

F’kummenti li ta lil TVM fi tmiem is-summit, il-Prim Ministru qal li, minkejja d-diffikultajiet, xorta waħda kien sar progress.

Mistoqsi dwar il-fatt li bħala Prim Ministru huwa wiċċ ġdid u jekk dan setax forsi affettwa n-negozjati, Dr Abela wieġeb li dan il-fattur m’affettwax, għax ġie milqugħ b’mod tajjeb ħafna, u ħass ukoll ir-rispett lejn pajjiżna mill-istati membri kollha.

Ġaladarba jintlaħaq qbil bejn l-istati membri, ikun għad fadal l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li s’issa oġġezzjona bil-qawwi għall-proposta tal-baġit kif imressqa mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.

Waqt dan is-summit, il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, għamilha ċara li l-baġit għadu ‘l bogħod milli jilħaq l-aspettattivi tal-Parlament Ewropew, li qed jitlob nefqa ta’ 230 biljun ewro iktar fuq l-1,087 biljun ewro proposti mill-President tal-Kunsill Ewropew.

Is-summit mistenni jerġa’ jitlaqqa’ x-xahar id-dieħel, bit-tama li sadanittant l-istati membri jkunu resqu iktar qrib lejn ftehim.

Segwi hawn il-kumment sħiħ tal-Prim Ministru:

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (3): Il-PM jispjega dwar in-negozjati tal-Budget tal-UE

X’qed jiġri waqt is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew?

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar