Lokali
Il-PM: ilbieraħ ġurnata tal-allegazzjonijiet, illum ġurnata tal-provi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li qed jipprova jsalva minn partit mifrud li qed imexxi, billi jdendel lil martu u lil uliedu. Dr Muscat qal li filwaqt li l-allegazzjonijiet huma xejn ħlief gideb, bla biża’ llejla lest li jaffaċċja lil Dr Busuttil f’Xarabank fuq TVM. Il-Prim Ministru qal li jistenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni flok tfigħ ta’ tajn jippreżenta l-provi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’għandu xejn minn xiex jibża’ u lanqas għandu x’jaħbi, għax l-allegazzjonijiet li qed isiru kontrih, u kontra familtu m’huma xejn għajr gideb. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Dr Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed jirrepeti l-allegazzjonijiet foloz u sfidah biex iġib il-provi. Il-Prim Ministru qal li lest li l-Ġimgħa filgħaxija jiltaqa’ wiċċ imb’ wiċċ ma’ Dr Busuttil fuq l-istazzjon Nazzjonali f’dibattitu f’Xarabank, fejn jippretendi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jagħti sustanza lill-allegazzjonijiet tiegħu.

“I look him in the eye u ngħidlu li qed jigdeb u ngħidlu jipproduċi l-fatti, ilbieraħ kienet il-ġurnata tal-allegazzjoni, illum il-ġurnata tal-provi,” qal il-Prim Ministru.

Għall-allegazzjonijiet li l-bank Pilatus seta’ qatta’ d-dokumenti kollha relatati mal-allegazzjonijiet, Dr Muscat qal li ebda trasferiment ta’ flus ma jista’ jitħassar jew jiġi kkanċellat, għaliex dan ikun fuq sistema internazzjonali li bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkanċellata.

“Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux xogħlu li jġib il-provi, jien nemmen li mhux xogħlu li jitfa’ t-tajn, issa dmiru hu li jġib il-provi li fuqhom ibbaża ruħu,” qal Dr Muscat.

Il-Prim Ministru qal li Dr Busuttil għandu partit mifrud u qed jipprova jsalva billi jdendel lil martu u lil uliedu iżda li hu bħala missier mhux se jħallih jagħmel dan. Qal li Dr Busuttil qed jipprova jirrikorri għal frame ups u gideb.

Dr Muscat qal li filwaqt li jiddispjaċih li qed isiru dawn l-akkużi nfondati mimlija gideb, appella għas-serenità tal-poplu u sostna li minkejja dan kollu se jibqa’ trankwill u jaħdem b’mod pożittiv. Qal li jinsab kommoss bl-appoġġ kbir li rċieva minn eluf ta’ nies, saħansitra minn membri tal-Partit Nazzjonalista li ddisassoċjaw ruħhom minn dawn l-attakki.

Mistoqsi jekk hux se jsejjaħ elezzjoni ġenerali, Dr Muscat qal li din isejjaħha meta jkun opportun.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għada jitfakkar il-jum iddedikat lill-persuni li għandhom il-problema tat-temtim. Statistika internazzjonali turi li persuna minn kull mija għandha din il-kundizzjoni, li ħafna drabi tikkawża imbarazzament għal min ibati biha u…

Lokali

Huma mijiet il-Maltin bejn saċerdoti, reliġjużi, żgħażagħ, adulti u anke anzjani li jgħixu u jaħdmu fl-artijiet tal-missjoni; min għal perjodu qasir ta’ żmien u oħrajn fit-tul tant li jiddedikaw ħajjithom…

Lokali

Sadanittant l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia issa jinsabu konċentrati kollha fil-kwartieri ġenerali tal-korp fil-Furjana. Television Malta jinsab infurmat li l-pulizija kompliet titkellem ma’ nies li jistgħu jagħtuha…

Lokali

Il-kumpanija Valletta Cruise Port qed tkompli tinvesti fil-faċilitajiet tagħha fil-Port il-Kbir. Bil-kumpaniji tal-cruise-liners qed ikomplu jordnaw vapuri kbar, il-Valletta Cruise Port qed tippjana t-twessigħ ta’ wieħed mill-mollijiet. Għandha wkoll applikazzjoni…

Aktar