Politika
Il-PM jisħaq li għandu fiduċja fil-bord kollu tal-MFSA

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għandu fiduċja sħiħa fiċ-Chairman, il-Kap Eżekuttiv u l-bord kollu tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA, li saħaq li hija istituzzjoni indipendenti u awtonoma.

Dr Muscat ġie mistoqsi dwar dan wara li fl-aħħar jiem, Dr Joe Brincat li hu parti mill-bord tal-MFSA, ippreżenta ittra uffiċjali kontra l-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità, li fiha qed jinsisti li s-Sur Joe Cuschieri m’għandux jagħti ‘golden handshakes’ bi flejjes pubbliċi lil xi impjegat tal-Awtorità.

Dalgħodu l-Prim Ministru indirizza konferenza fil-bidu tal-ġimgħa għas-servizz pubbliku bit-tema ‘lejn servizz ta’ eċċellenza’ bis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar jgħid li s-servizz pubbliku beda jaħdem biex jibda jbassar l-ħtiġijiet u s-servizzi li għandhom bżonn il-klijenti bl-għajnuna tal-intelliġenza artifiċjali.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lill-kapijiet tad-dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern li fl-aħħar sitt snin u nofs is-servizz pubbliku nbidel radikalment, u kellu sehem ewlieni fit-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern li jħejji lil Malta għall-ġejjieni, u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ambizzjużi bħar-riforma fl-enerġija, iċ-childcare, it-tablets u t-trasport għall-istudenti b’xejn.

“F’termini sempliċi l-Gvern ma jistax imexxi mingħajr l-id il-leminija tiegħu, mingħajrkom,” qal il-Prim Ministru.

Huwa qal li jkun inutli li jkun hawn ekonomija soda u budgets tajbin, jekk il-poplu ma jinqediex b’mod effiċjenti meta jirrikorri għas-servizzi tal-Gvern, fosthom fuq il-website servizz.gov, li jżuruha aktar minn 42,000 persuna fix-xahar, filwaqt li s-servizz tat-telefon 153 hu fost l-aktar għodod ta’ komunikazzjoni popolari.

“Irċieva medja ta’ 48,000 telefonata fix-xahar kemm ilu mwaqqaf, filwaqt li s-servizz tal-email ta’ servizz.gov irċieva madwar 500 email fix-xahar, kważi kemm nirċievi jien kuljum,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru qal li l-ħames hubs reġjonali fil-Birgu, Birkirkara, Ħal Qormi, Raħal Ġdid u l-Qawra joffru bejniethom 250 servizz, tant li fl-ewwel sitt xhur tas-sena kważi 20,000 persuna għamlu użu minn dawn iċ-ċentri, filwaqt li hemm ukoll erbgħa hubs speċjalizzati fuq it-taxxa, l-edukazzjoni, in-negozju u l-familja.

“Dan kollu jfisser ħaġa waħda bidla fil-mindset servizz ċivili, li huwa servizz għan-nies, u mhux maqtugħ, mitluf fil-burokrazija interna,” sostna l-Prim Ministru.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li minn servizz ta’ kwalità, il-pass li jmiss hu servizz ta’ eċċellenza bl-użu fost l-oħrajn tal-aktar teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali.

“Illum is-servizzi meta tiġi bżonnhom tmur tfittxhom, irridu naslu fi żmien fejn permezz tat-teknoloġija nipprevedu x’se jkollok bżonn, u dak huwa l-lussu li tista’ tipprovdilek l-AI, jiġifieri li l-affarijiet li llum isiru aħjar mill-bniedem għada pitgħada jibdew isiru aħjar mill-magni.”

Bħala parti mill-ġimgħa għas-servizz pubbliku, is-Sur Cutajar qal li għall-ewwel darba se jiġu rikonoxxuti dipartimenti li se jirċievu marka ta’ kwalità għall-inizjattivi, it-titjib fil-proċessi u s-servizz eċċellenti li qed jagħtu. Minbarra dan se jsiru għadd kbir ta’ attivitajiet għall-familja kollha fost is-Sibt 28 ta’ Settembru fi Pjazza San Ġorġ il-Belt u l-Ħadd 29 ta’ Settembru fl-Għammieri.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Żona li fiha daqs seba’ grawnds tal-futbol, li minn wied naturali nbidlet f’miżbla, qed tingħata wiċċ ġdid biex minflok tibqa’ ġerħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, issir attrazzjoni. Sa wieħed u…

Kultura

Infrastructure Malta appik li tibda operazzjoni delikata, biex taqla’ sħiħ mill-blat qabar tal-perjodu Puniku-Ruman, u tpoġġih fil-ġenb ta’ triq ġdida li qed tibni f’Ħ’Attard. B’hekk din is-sejba ta’ valur arkeoloġiku,…

Immigrazzjoni

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li…

COVID-19

Il-pandemija u r-reħi tar-restrizzjonijiet ġabu magħhom l-użu tal-maskra. Filwaqt li ħafna qed jużawha kif obbligati jagħmlu f’ħafna postijiet pubbliċi, osservajna li bosta qed jilbsu biex taparsi libsuha. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni…

Aktar