Politika
Il-PM jitlob apoloġija lill-familja Caruana Galizia – ma jeskludix kumpens

Il-Prim Ministru Robert Abela talab apoloġija lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u waqt li esprima x-xewqa li jiltaqa’ magħha ma eskludix li bħala parti mir-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ naħat l-Istat jagħtiha kumpens.

Huwa kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-inkjesta pubblika li r-rapport finali tagħha kien ippreżentat lilu dalgħodu.

Abela beda biex qal li r-rapport irid jiġi analizzat fid-dettal u sostna li “bħala Gvern se nibqgħu nieħdu t-tagħlimiet kollha li għandna nieħdu minn dan l-episodju xejn sabiħ fl-Istorja ta’ pajjiżna”.

Abela sostna li l-Gvern se jibda proċess biex jilħaq l-għanijiet u r-rakkomandazzjonijet tar-rapport.

“Din hija ferita li tibda tfiq bil-mod il-mod bla ma qatt irridu naqgħu għat-tentazzjoni li ninsew”.

Waqt li fakkar kif ir-rapport ripetutament jgħid li l-Istat ma kellux rwol fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Abela rrikonoxxa n-nuqqasijiet li sab fl-Istat u kien f’dan l-isfond li talab apoloġija kemm lill-familja tagħha kif ukoll lil kull min kien affettwat b’mod negattiv.

Huwa semma d-diversi riformi li saru minn kemm ilu li laħaq Prim Ministru u qal li dawn kienu rikonoxxuti, fosthom mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja.

Mistoqsi dwar jekk għandux isir monument li jfakkar lil Caruana Galizia huwa qal li lest jiddiskutiha.

Dwar il-pożizzjoni tiegħu u tal-Partit Laburista fuq l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan irriżenja minn Prim Ministru u deputat u llum m’għandu ebda kariga fil-PL.

Fuq dak li qal il-bord tal-inkjesta fir-rigward tal-Kabinett il-Prim Ministru qal li dan ħadem biex saru diversi riformi.

 

Ara wkoll:

 

ARA: Il-Bord ta’ Inkjesta jgħid li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia