Politika
Il-PM jiżvela l-prijorità ta’ Malta jekk tkun eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda

Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li jekk Malta tiġi eletta biex isservi fil-Kunsill tas-Sigurtà għas-sena 2023-2024 il-prijorità tkun t-tfal u l-kunflitt bl-armi.

Huwa stqarr dan waqt li kien qed jindirizza s-76 laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.

Dr Abela nsista li l-pajjiżi jridu jaħdmu flimkien jekk irridu futur b’saħħtu u sostenibbli u ħeġġeġ lill-mexxejja dinjin biex jaħdmu flimkien ħalli d-dinja tirkupra mill-pandemija u tevita riċessjoni globali.

Huwa nsista wkoll li l-mexxejja dinjin iridu jindirizzaw it-tibdil fil-klima qabel ikun tard wisq u saħaq li Malta se tibqa’ taħdem biex jinstema’ il-leħen ta’ pajjiżi li l-iktar milquta.

Dr Abela semma kif wieħed mill-pilastri li fuqhom Malta trid tibni l-ekonomija huwa t-tnaqqis f’riżorsi li jniġġsu.

Huwa ħeġġeġ ukoll lill-kommunità internazzjonali biex tgħin lil-Libja ħalli t-tranżizzjoni politika tgħin fl-iżvilupp tal-pajjiż, il-kontinent Afrikan u d-dinja.

Dr Abela nsista wkoll li n-Nazzjonijiet Maqgħuda trid tassigura li l-Afganistan ma jerġax jintuża bħala bażi għal xi għaqda terroristika.

Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-pajjiżi biex jimplimentaw liġijiet li jipproteġu lit-tfal.

Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu huwa rrimarka li jekk Malta tiġi fdata biex isservi fil-Kunsill tas-Sigurtà għas-sena 2023-2024 il-prijorità tkun t-tfal u l-kunflitt bl-armi.

“Jekk Malta tiġi eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tappoġġja lin-Nazzjonijiet Maqgħuda, bħala membru newtrali, biex madwar id-dinja jkun hawn paċi, sigurtà u progress soċjali”, żied il-Prim Ministru.