Politika
Il-PM jwissi lill-Oppożizzjoni li se jiddefendi lil kull membru tal-grupp parlamentari mill-attakki li qal ma jagħmlux sens

Waqt il-plenarja tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja, il-Prim Ministru Robert Abela wissa lill-Oppożizzjoni li se jiddefendi lil kull wieħed u waħda mill-grupp parlamentari u l-kabinett mill-attakki li qal ma jagħmlu l-ebda sens. Qal li dan hu Gvern li jagħti garanzija ta’ stabbilità u direzzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar xhur il-Gvern kompla wera li jagħti garanzija ta’ stabbilità u direzzjoni mhux bħal ħaddieħor li moħħu biss f’min mar fis-sodda ma’ min. Sostna li l-Partit Laburista dejjem attakka l-argument u mhux il-persuna. B’referenza għall-mistoqsija tal-whip tal-Gvern Glenn Bedingfield li fl-Aġġornament tal-Kamra tad-Deputati staqsa liema deputat nazzjonalista jew qarib tiegħu huwa s-sid tal-kumpanija Hummingbird Properties u jekk din temmitx ir-relazzjonijiet kummerċjali li kellha ma’ Yorgen Fenech wara li tressaq il-Qorti, Dr Abela kellu twissija ċara indirizzata lejn l-Oppożizzjoni.

“Jekk intom tridu tilagħbu dik il-logħba jien ma nixtieqx nilgħab dik il-logħba, però jekk teħduna f’dik id-direzzjoni nserrħilkom raskom li kapaċi nilagħbuha ħafna. Bl-istess mod b’saħħtu se nkun qed niddefendi lil kull wieħed u waħda mill-grupp parlamentari, mill-kabinett, minn attakki li ma jagħmlu ebda sens.”

Il-Prim Ministru qal li f’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista, dan il-partit qed ikompli jinbidel. Sostna li faċli li wieħed jibqa’ fejn ikun imma jekk ma jagħmilx bidliet jistaġna. Qal li fost il-bidliet li jrid mill-Partit Laburista hemm dak li jara li waqt li jibqa’ jkun hemm distinzjoni ċara bejn gvern u partit, il-Partit Laburista għandu jkun ta’ skrutinju fuq il-Gvern u ma jiddejjaqx jgħid fejn hu tajjeb u fejn ħażin. Robert Abela qal li l-Gvern se jkun qed iqis ukoll ideat li jistgħu jkunu kontroversjali għaliex qal li dak hu li jagħmel partit ħaj.

Dr Abela qal li l-Partit Laburista jibqa’ jkollu bħala bażi ż-żgħażagħ u qal li bħala qasam li żgur li falla fih sallum il-Partit Laburista huwa dak tal-parteċipazzjoni tan-nisa. Sostna li hemm ftit wisq nisa li huma fuq quddiem nett tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru qal li fuq livell ta’ Gvern, il-pajjiż għadda minn tliet xhur iebsin ħafna bħall-bqija tad-dinja. Qal li bħall-bqija tad-dinja Malta wkoll ħasset il-qarsa ekonomika, imma qal li Malta kienet mudell ta’ kif kellhom jimxu l-affarijiet fil-pandemija.

Dr Abela qal li ċ-ċertifikat li l-Gvern ngħata mill-Kummissjoni Venezja hu ta’ eċċellenza. Sostna li issa d-diska l-ġdida ta’ min qal jara kollox ħażin hi li qed jgħidu li l-pajjiż se jeħel fil-Moneyval. Il-Prim Ministru Abela qal li bl-istess mod li l-pajjiż għadda mill-Kummissjoni Venezja u mill-imxija tal-coronavirus, se jgħaddi wkoll mill-Moneyval.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar