Elezzjoni Ġenerali, Lokali, malta
Il-PM jżur investiment ta’ €30m. fi Strada Stretta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar proġett fi Strada Stretta fil-Belt Valletta li qed isir b’investiment ta’ €30 miljun u li se jħaddem mill-inqas 200 ruħ. Il-proġett tal-Grupp VBL jikkonsisti f’barijiet u ristoranti ta’ kwalità għolja ħafna, inkluż ukoll akkomodazzjoni. Il-proġett se jitlesta kollu meta s-sena d-dieħla l-Belt Valletta tkun il-kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Grupp VBL li fih investituri lokali u barranin għaddej bi proġett estensiv li bih qalu li se jagħtu ħajja ġdida lil Strada Stretta li fl-imgħoddi kienet mekka tad-divertiment u fl-aħħar snin reġgħet bdiet tiġi rriġenerata. Waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel lill-proġett, il-General Manager tal-Grupp VBL Andrei Imbroll spjega li qed jikkonvertu barijiet antiki ta’ żmien l-Ingliżi f’disa’ barijiet u ristoranti lussużi inkluż binja li se tinbidel f’botique Hotel.

“Bars l-antiki niftuħom kollha, l-ismijiet inħalluhom, qed nimmiraw biex dawn il-bars u ristoranti jkunu l-aqwa li hawn Malta, u ndaħħlu element ta’ kultura”, qal il-General Manager VBL Group, is-Sur Andrei Imbroll.

Is-Sur Imbroll qal li l-proġett jaħseb biex ikollu element kulturali u ta’ divertiment b’mużika, qari ta’ poeżiji u ta’ kotba, b’mod li f’din it-triq terġa’ tidwi b’mod mill-isbaħ il-kultura.

Il-Prim Ministru żar ukoll proġetti oħra li se jkunu lesti għal Valletta 2018, fosthom il-proġett MUŻA li huwa spazju mill-aktar interattiv fil-Berġa tal-Italja fi triq merkanti, fejn qed isir xogħol estensiv ta’ restawr. Il-mużew tal-arti MUŻA se jkollu spazju mill-aktar interessanti bis-sehem taċ-ċittadini. Uffiċjali ta’ Heritage Malta spjegaw li l-proġett se jkollu spazji demokratiċi b’sehem ħaj tal-komunità biex l-arti u n-nies isiru ħaġa waħda.

Proġett ieħor li se jitlesta għal Valletta 2018, huwa dak tas-suq tal-Belt li qed jiġi rinovat mill-Grupp Arkadia b’investiment ta’ €10 miljun. Il-General Manager tal-grupp Antoine Portelli spjega li meta jinfetaħ is-suq l-antik tal-Belt Valletta se jkun proġett kummerċjali u kulturali ta’ livell għoli, liema kunċett ġie mnebbaħ minn swieq simili f’Barċellona u Madrid.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni Ġenerali, Lokali

Magħrufa s-67 membru parlamentari li se jiffurmaw it-tlettax-il Parlament mill-Indipendenza: 37 tal-Gvern u 30 tal-Oppożizzjoni. L-aħħar deputati ġew eletti llum f’elezzjonijiet każwali għal ħames deputati tal-Partit Nazzjonalista flok il-ħames membri…

Elezzjoni Ġenerali, Lokali, malta

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina se jkun wiċċ ġdid ieħor fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista wara li ġie elett fl-elezzjoni każwali fuq l-10 Distrett. L-Avukat Aquilina rebaħ is-siġġi f’tellieqa li baqgħet għaddejja…

Elezzjoni Ġenerali, Lokali

9.00 am – Fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar bdew l-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista fuq is-seba’, l-għaxar, il-ħdax u t-tlettax-il distress elettorali. Il-voti ta’ dawk il-kandidati li ċedew posthom fuq dawn id-distretti…

Elezzjoni Ġenerali, Lokali, malta

Fuq parir tal-Prim Ministru, il-President ħatret għaxar Segretarji Parlamentari. Minnhom, ħamsa kienu diġà deputati iżda qatt ma kellhom kariga fil-Kabinett waqt li għal tlieta oħra l-elezzjoni tas-Sibt li għadda kienet…

Aktar