Infrastruttura
Il-PM ma jaqbilx mal-prassi użata fil-votazzjoni dwar il-proġett tad-db f’Pembroke

It-titjira b’jet privat minn Sqallija għal membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar Jacqueline Gili, għal-laqgħa li approvat il-permess għall-proġett kontroversjali tal-grupp DB f’Pembroke, kienet awtorizzata miċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg.

L-awtorità fi stqarrija ġġustifikat l-użu tal-jet privat għat-titjiriet li swiet €8,750, waqt li ġie spjegat li dan l-ammont kien fil-limitu li seta’ jiġi awtorizzat miċ-Chairman eżekuttiv, u għaldaqstant ma ntalbet l-ebda awtortizzazzjoni oħra. Kelliem għall-uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-Prim Ministru ma jaqbilx mal-prassi adottata mill-awtorità, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni talab li ssir inkjesta indipendenti.

Wara l-furur sħiħ li qam meta sar magħruf li l-membru tal-bord Jacqueline Gili inġiebet b’jet privat minn btala fi Sqallija biex tivvota fil-laqgħa tal-bord li ddeċieda l-permess għall-proġett tat-torri u lukanda tal-Grupp DB f’Paceville, magħruf bħala City Centre, l-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li hija l-policy tagħha li l-membri kollha jattendu għal laqgħat importanti tal-bord li jsiru fil-pubbliku, kif kienet din il-laqgħa.

Dakinhar tal-laqgħa, li saret il-Ħamis li għadda, is-Sinjura Gili waslet tard, iżda kien biss fl-aħħar sigħat li sar magħruf li kien imsiefra u inġieb Malta b’titjira minn Sqallija b’jet privat u ittieħdet lura wara l-laqgħa li fiha hija ivvutat favur il-permess.

Skont l-irċevuta tat-titjira li ġiet ippubblikata mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-ispiża għat-titjira privata minn Sqallija u lura swiet €8,750. L-awtorità qalet li s-Sinjura Gili infurmatha ħmistax qabel li kienet ser tkun għal btala mal-familja dakinhar tal-laqgħa.

Żiedet tgħid li ċ-Chairman Eżekuttiv ħass li ma kienx jaqbel li l-Awtorità titlob li tħassar il-btala u tħallas l-ispejjeż li kienet laħqet għamlet. Għaldaqstant iddeċieda li tinġieb b’titjira privata u l-ispiża għaliha kienet fil-limitu li setgħet tiġi awtorizzata minnu mingħajr bżonn li tinkiseb l-ebda awtorizzazzjoni oħra.

L-awtorità fakkret fil-kritika li kienet saret meta f’Awwissu tal-2016 membru ieħor tal-bord kien nieqes fi proġett li wkoll kien qajjem ċertu kontroversja. Qalet li l-proġett tas-City Centre huwa kkunsidrat bħala ta’ importanza u għalhekk riedet tassigura li l-membri kollha jkunu preżenti. Fakkret li l-applikant ħallas €1.2 miljun għall-applikazzjoni tiegħu.

F’kummenti ma’ Television Malta, iċ-Chairman tal-Bord, il-Perit Vincent Cassar, ikkonferma li huwa ma kienx infurmat li s-Sinjura Gili kienet ser tinġieb għal laqgħa tal-bord mill-awtorità b’ajruplan privat. Spjega li fil-ħames snin li għaddew il-laqgħat tal-bord dejjem saru, anki meta kien hemm aktar minn membru wieħed li ma setax jattendi.

“Kull membru huwa liberu li jattendi jew la ma jattendix. Ġifieri l-importanti għalija hu li jkolli quorum,” jispjega lPerit Cassar. Mistoqsi x’jiġri jekk ma jkollux quorum, iwieġeb li f’dak il-każ il-laqgħa ma ssirx, pero sal-lum qatt ma ġrat.

Il-kwistjoni qanqlet ukoll reazzjonijiet, fost oħrajn fil-livell politiku. Il-Gvern qal li ma jaqbilx ma’ din il-prassi li adottata mill-PA. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li għandha tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar il-każ biex jiġu stabbiliti l-fatti.

Mitluba r-reazzjoni tagħha mill-PBS, Jacqueline Gili qalet li l-mistoqsijiet għandhom isiru lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Partit Demokratiku waqt liinnota li s-sinjura Gili falliet 29 mill-75 laqgħa tal-bord li saru qabel, staqsa l-urġenza li kien hemm biex tinġieb Malta bi spiża bħal din. Qal li ċ-chairman eżekuttiv tal-awtorità ma kellu l-ebda jhedd li jonfoq flus pubbliċi b’dan il-mod. Il-Partit Demokratiku reġa’ sejjaħ biex il-proġett City Centre ma jsirx minħabba dak li sejjaħ diversi rregolaritajiet fil-ħruġ tal-permess.