Lokali
Il-PM mal-MHRA – “il-Gvern se jibqa’ jagħti appoġġ lill-industrija tat-turiżmu”

Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jagħti appoġġ lill-industrija tat-turiżmu.

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-budget mal-assoċjazzjoni tal-lukandi u r-ristoranti, l-MHRA, il-Prim Ministru qal li tul il-pandemija l-Gvern wieżen lill-industrija b’diversi modi fosthom bil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, inċentivi marbuta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-vawċers. Fakkar li kien mal-MHRA li l-Gvern welled il-kunċett tas-suppliment tal-pagi u qal li b’din l-għotja ġew salvati eluf ta’ impjiegi.

Il-Prim Ministru qal li l-prospetti turistiċi għall-ġimgħat li ġejjin huma favorevoli bl-industrija qed tkompli tirpilja b’mod gradwali. Dr Abela qal li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu anke permezz tal-Pjan ta’ Rkupru li se jkun qed jibbenefika minnu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkwotat lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, jiddeskrivi l-pandemija bħala xokk kbir għall-industrija u li grazzi għas-sostenn tal-gvern ġew salvati numru sostanzjali ta’ impjiegi filwaqt li bdiet it-triq għall-irkupru.