Budget2022
Il-PM: minkejja l-effetti tal-pandemija, dan hu l-ikbar budget soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna

Il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ il-budget mħabbar illum bħala l-akbar budget soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna. Dr Abela qal li dan il-budget kompla jibni fuq dak mħabbar is-sena li għaddiet u li jixhed il-wegħda tal-Gvern li jħaddan il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Qal li bil-ħidma għaqlija tal-Gvern wara tant xhur diffiċli, illum il-Gvern seta’ jitkellem dwar il-futur ta’ wliedna.

Qal li minkejja l-effetti tal-pandemija l-budget se jkompli jwieżen il-familji u saħaq li dan huwa possibli għaliex il-Gvern qed jinvesti f’ekonomija dinamika u jsarraf il-miżuri li ttieħdu fil-pandemija.

Qal li dan huwa budget li jirfiletti l-prijoritajiet tal-poplu li se jara biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom, sabiex l-ambjent jkun prijorità u li fil-bażi tiegħu għandu l-prinċipju tax-xogħol. F’dan l-isfond qal li l-Gvern se jkompli jipproteġi lill-poplu mill-piżijiet

Dr Abela rrefera għall-kriżi ekonomika tal-2008 u qal li l-Gvern mexa lil hinn mill-politika ta’ awsterità applikata dak iż-żmien anke jekk ir-riċessjoni tal-pandemija hija ferm akbar. Qal li fiż-żmien li ġej se jsir investiment kbir fit-taħriġ waqt li l-Gvern se jgħożż l-importanza tal-edukazzzjoni għall-avvanz fil-ħajja.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sejjaħ dan il-budget bħala budget ta’ aħbar tajba f’kull qasam. Qal li d-deċiżjonijet iebsin li ttieħdu matul il-pandemija issa qed jissarrfu fl-istess waqt li pajjiżi oħra għadhom qed jissieltu mal-effetti tal-pandemija.