Lokali
Il-PM: minkejja r-riżultat inġust ma’ Malta… jikber fija s-sens ta’ determinazzjoni li naħdem iktar bil-qalb quddiem din l-isfida

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li waqt li d-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta taħt monitoraġġ ma kinitx mistħoqqa, il-Gvern mhux se jkun supperv u se jibqa’ determinat li jibni fuq il-ħafna riformi li wettaq fl-aħħar sena u nofs biex ikompli jsaħħaħ il-governanza f’pajjiżna.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja ftit wara li rapporti fil-midja qalu li l-FATP poġġiet lil Malta fil-lista l-griża, Dr Abela qal li r-riformi li wettaq il-gvern fl-aħħar sena u nofs saru b’konvinzjoni għax qal li dan hu gvern li jemmen f’pajjiż modern b’governanza b’saħħitha.

“Dan hu prinċipju sagrosant u hu dmiri bħala prim ministru li nassigura li l-familji, il-ħaddiema u n-negozji jkollhom l-aqwa qafas regolatorju u l-aqwa istituzzjonijiet biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom”, qal Dr Abela.

Qal li fil-fora tal-FATF, it-tekniċi li tkellmu f’isem pajjiżna wasslu messaġġ b’saħħtu dwar il-ħidma li saret minn bosta entitajiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u ddefendew tajjeb ħafna l-każ ta’ Malta.

Il-Prim Ministru qal li fl-ebda mument ma warrabna l-interess nazzjonali jew ittieħdet xi pożizzjoni li setgħet dgħajfet il-prosperità tal-familji u n-negozji Maltin għax sostna li dak li għamel kien biżżejjed biex jikkonvinċi mod ieħor.

Qal li f’Mejju li għadda, il-MoneyVal irrikonoxxa l-bidliet kbar li għamel pajjiżna tant li poġġa lil Malta bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li għandu rakkomandazzjonijiet konformi ma’ dak li titlob din l-entità għal kull pajjiż. Saħansitra qal li f’dan ir-rapport m’hemm ebda rakkomandazzjoni fejn Malta mhix konformi jew parzjalment konformi.

Sostna li l-istess għamlet il-Kummissjoni Venezja u l-Kummissjoni Ewropea f’oqsma oħra ta’ riformi li saru fil-qasam tal-governanza t-tajba.

Qal li l-proċess tal-lum quddiem l-FATF ried jikkonferma li x-xogħol kollu li sar qed ikun effettiv biżżejjed fil-prattika .

Il-PM qal li jemmen li diġà aħna effettivi tant li l-maġġornaza tar-rakkomandazzjonijiet ma fadal xejn x’jiġi indirizzat dwarhom.

Qal li l-Gvern mhux se jissupervja u se jibqa’ jiddjaloga biex jikkonvinċi u fejn hemm bżonn isiru aktar bidliet.

Dr Abela kellu messaġġ ta’ ħajr għal dawk li ħadmu fl-aħħar xhur għal dan il-proċess u qal li l-frott ta’ ħidmiethom se narawh fiż-żmien li ġej.

Qal li l-Gvern se jibqa’ wara n-negozji biex jinċentiva x-xogħol u l-investiment lokali u barrani u semma kif fl-aħħar sena u nofs, dan kien l-aktar gvern li għadda liġijiet f’pajjiżna biex fost oħrajn saħħaħ il-governanza f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru qal li aħbar bħal tal-lum toffri sfida ġdida, iżda saħaq li bl-ebda mod mhi se taqta’ qalb il-gvern. Tenna li quddiem sfida ġdida jikber fih is-sens ta’ determinazzjoni li jaħdem iktar bil-qalb u bħall-Maltin u Ghawdxin ta’ rieda tajba.

Dwar l-impatt li jista’ jkollu l-vot tal-lum, il-Prim Ministru fakkar kif qabel il-pandemija kien hemm min bassar li se jintilfu 50 elf impjieg u llum ir-rata ta’ qgħad hija inqas minn kemm kienet qabel il-pandemija tant li l-ekonomija reġgħet bdiet tikber u se tkompli tikber.

Qal li l-ekonomija tagħna baqgħet b’saħħitha wkoll minkejja t-tbassir tal-impatt ta’ Brexit għax qal li dan hu gvern li jaf kif għandu jaħdem quddiem sfida.

Dr Abela appella biex inżommu s-sens ta’ għaqda nazzjonali li żammejtna quddiem dawn l-isfidi. Sostna li biex il-vuċi tagħna tasal fejn għandha tasal irridu naħdmu fi spirtu ta’ Team Malta u nkunu iktar magħqudin.

Il-Prim Ministru qal li waqt li jaf ikum hemm min irid jilgħab il-logħba partiġġjana, ir-responsabbiltà tiegħu hi li jibqa’ jmexxi l-gvern u waqt li jibni fuq it-tajjeb, ma jiddejjaqx ikompli jbiddel.

Huwa temm jgħid li l-Gvern se jaħdem iktar biex jikkonvinċi aktar u ggarantixxa li Għawdex u Malta se jibqgħu mexjin ’il quddiem.