Politika
Il-PM qal li kien għalih jippubblika r-rapport kollu dwar l-inkjesta Egrant

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li kien għalih jippubblika r-rapport kollu dwar l-inkjesta Egrant, u jagħmel hekk mill-iktar fis possibbli. Qal li jieħu din id-deċiżjoni minkejja li l-Qrati għamluha ċara li anki jekk ir-rapport sħiħ ikun ippubblikat, ma jbiddel xejn mill-konklużjonijiet li diġà kienu ppubblikati.

F’attività politika f’Ħal Luqa, Dr Muscat qal li personalment m’għandux problema b’dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni li se jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti. Qal li mill-parir li ngħata minn esperti legali u l-Avukat Ġenerali, hemm periklu li l-pubblikazzjoni tal-kontenut kollu tar-rapport, ifixkel l-investigazzjonijiet biex jinqabad minn wettaq l-att li ddeskriva bħala kodard ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-Mexxej Laburista qal li minkejja li baqa’ jilgħabha tal-vittma, lill-ex Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jixtieqlu saħħa u hena f’ħajtu u jittama li hu u familtu ma jgħaddux min-nofs dak li kellu jgħaddi minnu hu u familtu. Dr Muscat qal li s-saħħa li jgħidlu hekk hi mnebbħa mis-serenità li għandu f’qalbu u mill-ġudizzju tal-poplu li qal hu fiduċjuz li se jerġa’ jagħtih turija ta’ fiduċja fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.

Dr Muscat qal li d-differenza kruċjali bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista mhix fl-ideoloġiji, iżda l-mod kif iż-żewġ partiti jħarsu lejn l-affarijiet. Qal li l-Partit Laburista jħares lejn Malta b’mod pożittiv u kostruttiv, u l-Gvern ma jibżax mill-ġudizzju tal-poplu. Għal Dr Muscat, li kien għall-Oppożizzjoni lanqas kienu jsiru elezzjonijiet fi 23 lokalità, u iżjed minn mitt elf ruħ ma kienux jivvotaw. Qal li l-Oppożizzjoni reġgħet għafset il-buttuna tal-paniku u qed tivvinta u toħloq minn żniedha kwistjonijiet li jafu li ma jeżistux.

Min-naħa l-oħra, qal li l-Partit Laburista ma jużax it-tattiċi ta’ min jippanikkja, billi jiżra argumenti diviżivi bejn familji, idaħħal feles f’moħħhom u jipprova jappella għall-istint tribali biex jiġbru l-voti. Dr. Muscat qal li l-erbatax-il kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma lkoll kandidati li bħalu, iridu jgħaqqdu u jħobbu lil Malta, mhux biss meta jaqblilhom. Qal li vot għalihom qisu vot għal Joseph Muscat u li hi b’din is-serenità li l-Partitarji Laburisti jridu jkomplu jaħdmu fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Kumpanija Melita reġgħet bidlet l-idejn. Il-kumpanija tal-investiment EQT xtrat il-kumpanija Melita mingħand APAX Partners u Fortino Capital. Fi stqarrija ma ngħatawx dettalji finanzjarji dwar dan l-akkwist iżda ntqal li l-kumpanija…

Blockchain

Meta indirizza t-tieni summit dwar il-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali f’pajjiżna, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta verament qed issir il-gżira tal-industrija blockchain fid-dinja, fejn qed tattira l-aqwa kumpaniji f’dan…

Saħħa

Fiżjoterapisti fl-isptar San Luqa mhux se jaraw pazjenti ġodda, b’direttivi tal-union tal-infermiera l-MUMN. Fi stqarrija tal-Union intqal li Steward Health Care, naqqset milli tipprovdi l-investiment imwiegħed f’dan id-Dipartiment. L-MUMN qalet…

Qorti

Jingħataw il-ħelsien mill-arrest iż-żewġ ġuvintur li qed jiffaċċjaw akkużi ta’ assoċjazzjoni u pussess aggravat ta’ 130 kilo droga kannabis.  Jonathan Cassar u Jerome Azzopardi tressqu l-Qorti fil-bidu ta’ dan ix-xahar,…

Aktar