Barranin
Il-PM tas-Sudan lura fil-kariga b’koalizzjoni mal-militar li wettaq kolp ta’ stat

Il-Prim Ministru tas-Sudan, Abdalla Hamdok, reġa’ tpoġġa fil-kariga wara li kien arrestat f’kolp ta’ stat mill-militar ix-xahar li għadda.

Huwa deher f’xandira televiżiva jiffirma ftehim ta’ koalizzjoni mal-mexxej tal-kolp; il-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan.

Minn meta seħħ il-kolp ta’ stat saru protesti kbar biex il-Prim Ministru jerġa’ jitpoġġa fil-kariga, u mal-40 persuna nqatlu.

Il-Prim Ministru Hamdok qal li daħal għal dan il-ftehim biex jevita li jkun hemm iktar tixrid ta’ demm Sudaniż, iżda l-koalizzjoni ċivili li nnominat lil Hamdok għal Prim Ministru sentejn ilu mhux qed tirrikonoxxi dan il-ftehim, u qed tallega li dan ġie mġiegħel jiffirma bit-theddid.

Il-militar qal li kien sfurzat jieħu f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż biex jevita gwerra ċivili, wara li qal li xi politiċi kienu qed jinstigaw lill-pubbliku kontra l-militar.

Is-Sudan kien taħt pressjoni biex ireġġa’ l-kolp lura, bil-Bank Dinji jiffriża l-assi tal-pajjiż u l-Unjoni Afrikana tissospendi s-sħubija tas-Sudan.