Lokali
Il-PM u l-Kap tal-Oppożizzjoni jispjegaw il-viżjoni tagħhom għall-ġejjieni tal-pajjiż

Kompliet il-konferenza annwali tal-EY li għaliha llum bagħtu l-messaġġi tagħhom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni spjegaw il-viżjoni tagħhom biex il-ġejjieni tal-pajjiż ikun aħjar.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-aħħar sentejn kienu iebsin għan-negozji f’Malta u barra minħabba li l-pandemija waqfet l-ekonomija dinjija. Qal li kulħadd jiftakar tbassir li sar li l-qgħad f’Malta se jilħaq il-55,000. Qal li madankollu l-ekonomija Maltija felħet għat-test tal-pandemija u fit-tieni kwart tas-sena irreġistrat l-ogħla tkabbir. Dr Abela qal li dawn ir-riżultati pożittivi jirriflettu l-politika tal-Gvern li żammet il-livell ta’ kunfidenza għoli anke fi żminijiet ta’ kriżi.

Il-Prim Ministru qal li għas-sena d-dieħla l-Gvern qed ibassar li t-tkabbir ekonomiku jilħaq is-6.5 fil-mija. Qal li l-Gvern naqqas it-taxxa fuq ix-xogħol part time u fuq is-sahra waqt li qed jgħin lill-istudenti biż-żieda fl-istipendji. Dr Abela temm jgħid li l-Gvern qed jaħdem biex il-pajjiż ikun aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li r-riżultati ta’ stħarriġ li għamlu l-EY hu ta’ tħassib. Irrefera għall-istħarriġ li wera li 70 fil-mija taż-żgħażagħ Maltin iridu jitilqu mill-pajjiż. Qal li hemm differenza kbira bejn li wieħed jitlaq minn Malta biex jesplora possibbilitajiet ġodda għal li jkunu mġiegħla jitilqu minn Malta minħabba li l-pajjiż falla fil-konfront tagħhom.

Dr Grech qal li Malta ma tistax titlef iż-żgħażagħ tagħha b’dan il-mod. Spjega li l-pensjonanti jiddependu fuq il-kontribuzzjoni taż-żgħażagħ u n-negozji fuq it-talenti tagħhom. Il-Kap Nazzjonalista qal li għal snin sħaħ il-Partit Nazzjonalista wissa dwar l-effetti tan-nuqqas ta’ governanza tajba. Dr Grech qal li hekk kif illum il-pajjiż qed jiġġieled mal-mistħija li ġabet magħha l-lista l-griża, wasal iż-żmien li jitfassal ġejjieni ġdid għal Malta. Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem qatigħ għal dan il-għan.