Turiżmu
Il-PN b’100 proposta għas-settur turistiku

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta 100 proposta għas-settur turistiku.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Qawra tad-Dwejra, f’San Pawl il-Baħar, il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u l-kandidat Darren Carabott qalu li l-proposti huma magħmula b’emfasi fuq in-niċeċ turistiċi.

Fost in-niċeċ identifikati hemm il-gastronomija u l-użu aħjar tal-prodott Malti, l-agri-turiżmu, il-patrimonju kulturali u reliġjuż kif ukoll id-diving.

Il-kelliema qalu wkoll li l-Gvern jeħtieġ jieħu rwol ferm aktar attiv biex jipproteġi r-riżorsa ewlenija ta’ din in-niċċa u ċioe il-kwalità tal-baħar u l-biodiversità marina.

Huma qalu li pajjiż irid jimxi minn protezzjoni ta’ speċi għal protezzjoni tal-habitat kollu.

Il-kelliema semmew ukoll il-bżonn ta’ siti ta’ vapuri mgħerrqa li għal dan is-settur huma vitali u spjegaw kif il-vapur Hepheastus baqa’ ma tgħarraqx kif kien imwiegħed fil-ponta tal-Qala.

Huma qalu li dan jeħtieġ isir immedjatament għax ifisser spinta lis-settur kollu u appellaw ukoll għal iktar infurzar u monitoraġġ li qalu sa issa għadu assenti.