Politika
Il-PN bi 12-il miżura biex il-mara tipparteċipa aktar fil-ħajja pubblika u politika

Il-Partit Nazzjonalista nieda pjan ta’ azzjoni, bi 12-il miżura immirati biex il-mara tipparteċipa aktar fil-ħajja pubblika u fil-ħajja politika mingħajr xkiel u b’rispett.

Il-pjan għandu tliet binarji – appoġġ, taħriġ u promozzjoni tan-nisa fil-politika, li flimkien għandhom jilħqu l-għan li jindirizzaw il-problema tal-iżbilanċ demokratiku bejn in-nisa u l-irġiel.

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jkompli jappoġġja l-mekkaniżmu favur aktar rappreżentazzjoni tan-nisa fil-Parlament u jindirizza kull xkiel fl-istrutturi tal-partit li jista’ jżomm lura lin-nisa milli joħorġu għall-ħajja pubblika.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipproponi lill-Ispeaker biex jagħmel proċess ta’ awditjar dwar l-ugwaljanza. Il-pjan ta’ azzjoni jaħseb ukoll biex jindirizza sitwazzjonijiet ta’ ibbulljar u fastidju, kif ukoll se jara li jkun obbligu fil-kodiċi tal-etika ta’ kull membru parlamentari, li bħal kull post tax-xogħol anki l-parlament ikun ħieles minn dan it-tip ta’ xkiel.

Il-pjan ta’ azzjoni jaħseb biex iħarreġ lin-nisa u lill-irġiel li jridu jservu fil-ħajja pubblika u jagħtihom l-opportunità li jaħdmu mill-qrib ma’ uffiċjali għolja tal-Partit Nazzjonalista. It-taħriġ se jkompli wkoll f’kull struttura tal-partit filwaqt li uffiċjali pubbliċi wkoll se jiġu mistiedna sabiex joffru opportunità lil persuni interessati fil-ħajja pubblika.

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed isaħħaħ il-preżenza tan-nisa fil-media u jassisti lill-kandidati nisa biex jilħqu aktar nies fil-kostitwenza tagħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien mal-kelliema għad-drittijiet umani u l-governanza tajba, Therese Comodini Cachia u l-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista Graziella Attard Previ, nedew dan il-pjan u fl-istess waqt taw bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar x’hemm bżonn li jsir biex il-pajjiż jilħaq il-miri tal-ugwaljanza.

Il-pubbliku huwa mistieden jagħti l-kontribut tiegħu favur ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi jibgħat email fuq [email protected] sal-aħħar t’April, biex xahrejn wara, il-Partit Nazzjonalista jiffinalizza r-rapport u jressaq il-proposti tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid ikun assigurat li l-kwalità tal-ħajja titgawda minn kullħadd f’soċjetà li għandha bżonn kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel, għax qal it-tnejn huma meħtieġa biex tissawwar politika ġusta li tiffaċilita l-ħajja tan-nies.