Politika
Il-PN b’mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker

Il-Partit Nazzjonalista ppreżentata mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia din il-ġimgħa stess u li permezz tiegħu ġie deċiż li ma tista’ tittieħed l-ebda azzjoni fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar abbuż ta’ poter u ksur tal-Kodiċi ta’ Etika meta ta struzzjonijiet biex l-eks Ministru Konrad Mizzi jinħatar konsulent mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li r-ruling tal-Ispeaker iġib fix-xejn il-funzjonijiet, is-setgħat u l-obbligi tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika billi jrendih bla snien fil-konfront ta’ min, bħal Joseph Muscat, ikun instab ħati ta’ abbużi ta’ poter u ksur ta’ dmirijiet statutorji u etiċi. Aktar minn hekk, kompla l-Partit Nazzjonalista, ir-ruling tal-Ispeaker ifisser li Membru Parlamentari jista’ jiżgiċċa faċilment milli jerfa’ r-responsabbiltaijiet tal-abbuż li jwettaq meta huwa membru parlamentari.

L-Oppożizzjoni qed tqis ir-ruling mogħti mill-Ispeaker bħala xhieda u konferma li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, qed tirrenja impunità istituzzjonalizzata li qed tikkawża ħsara kbira għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Għalhekk bħala Oppożizzjoni qed tinsisti li r-ruling tal-Ispeaker għandu jiġi rivedut mill-Parlament sabiex dan ikun skont il-kelma u l-ispirtu tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.