Lokali
Aġġornat: il-PN b’mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Zammit Lewis

Il-Kap tal-Oppożizzjoni se jitlob biex il-Parlament jitlaqqa’ b’urġenza biex jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din l-azzjoni qed tittieħed wara rapport f’The Sunday Times li l-Ministru Zammit Lewis allegatament kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech u kien qed jagħmel kampanja kontra l-ġustizzja. Il-Partit Nazzjonalista rrimarka li minflok ma appoġġja l-isforzi tal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex issir investigazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black, Dr Zammit Lewis daħak bih u ddeskrivieh bħala theddida għas-saltna tad-dritt, waqt li bagħat messaġġi lil Fenech biex ifittex l-approvazzjoni tiegħu.

ADPD

Intant, l-ADPD qal li jistenna li l-Prim Ministru għandu jitlob ir-riżenja tal-Ministru Zammit Lewis, u jekk ma jirriżenjax għandu jkeċċih.

Il-PL jgħid li l-Kap tal-PN offra darbtejn il-maħfra lill-allegat mandant fil qtil ta’ Caruana Galizia

Fi stqarrija, il-PL qal li l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Oppożizzjoni offrielu maħfra għal darba, tnejn. Qal, li b’hekk il-fatti juru li hu Bernard Grech li jrid ixekkel il-proċess tal-ġustizzja f’dan il-każ. Żied, li għal darb’oħra, il-Kap tal Partit Nazzjonalista mhux kredibbli.