Aġġornat: Il-PN – gravi li Nexia BT tat parir ukoll biex jintgħażel il-konsorzju tal-power station

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li hija gravi li l-kumpanija NexiaBT kienet ukoll il-kumpanija li tat il-parir biex jintgħażel il-konsorzju għall-bini tal-Power Station.

Il-Partit Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li l-istess bniedem ikun fl-istess ħin konsulent tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tal-Enemalta, awditur tal-konsorzju privat li qed jibni Power Station u l-istess persuna li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u għall-Ministru tal-Enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għandu jispjega għaliex qal li dan huwa taħwid li jqajjem riħa tinten ta’ korruzzjoni.

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li r-rabtiet li qed jipprova jagħmel il-Partit Nazzjonalista, huma biss frott l-imaġinazzjoni fertili tiegħu. Il-Partit Laburista qal li l-unika rabta li qed jagħmlu n-nies fuq l-proġett tal-enerġija hija mal-kontijiet irħas u l-arja aktar nadifa. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma fehemx li f’dan il-qasam qed issir bidla pożittiva għax fost oħrajn qed tispiċċa d-dipendenza fuq iż-żejt.