Lokali
“Il-PN hu ġenwin u m’għandux tbajja’ li bihom ċappas ir-reputazzjoni ta’ Malta” – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista hu ġenwin u m’għandux tbajja’ li bihom ċappas ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Intervistat fuq NET FM, Dr Grech qal li minkejja li t-triq hi għat-telgħa għax il-Gvern qed jieħu vantaġġ mill-poter, il-Partit Nazzjonalista kapaċi li jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu jwassal ‘il dan il-pajjiż għat-tieni ħelsien; din id-darba mhux mis-Servizzi Ingliżi iżda mill-kriminali li qal ħakmu lill-Partit Laburista u lil Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tat it-timbru finali li l-Gvern uża l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jipproteġu lill-poplu biex jikkontrolla l-informazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, jew biex saħansitra min kellu jiġi arrestat jiġi mgħejjun jevadi l-ġustizzja.

F’kollegament telefoniku fuq NET FM, Dr Grech qal li f’dan l-isfond inħolqot klima ta’ impunità li spjega bħala meta xi ħadd iħossu komdu jagħmel li jrid għax hemm Gvern li jipproteġih. Żied jgħid li l-inkjesta kkonfermat li l-Gvern ħoloq klima fejn kriminali ħadmu b’kumdità biex joqtlu persuna.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru m’għandux jibqa’ jostakola l-midja jew juża flus il-poplu biex jikkontrollaha jew jimmanipulaha. Sejjaħ għal-libertà sħiħa lil min irid jinvestiga u jwassal aħbar biex jagħmel hekk meta jrid, xħin irid u kif irid għax qal li l-poplu għandu dritt għall-verità kollha.

B’referenza għal dak li rrakkomandat l-inkjesta fuq il-ġurnaliżmu, Dr Grech qal li jrid jara li l-ġurnalisti jkunu mħarsa u l-ġurnaliżmu jingħata r-rispett u d-dinjità li jixraqlu għax hu parti mid-demokrazija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista mhux jasal sew fost oħrajn fuq ix-xandir nazzjonali għax qal li r-rappurtaġġ fl-aħbarijiet qed ikun immanipulat, minħabba li skontu l-Gvern qed jaħkem lill-istazzjon nazzjonali b’persuni li qal huma qrib tal-Partit Laburista. Dr Grech qal li qed jirriżerva li jieħu kull azzjoni biex jassigura li l-messaġġ tal-Oppożizzjoni jasal għand il-poplu.

Il-Kap Nazzjonalista rrefera għal x’kiteb Mark Laurence Zammit fuq il-midja soċjali li qal li se jieqaf jippreżenta l-programm “L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa” minħabba dak li sejjaħlu indħil f’dak li xtaq jagħmel.

Mistoqsi dwar it-tiġdid li għaddej fil-Partit Nazzjonalista, Dr Grech qal li dan il-proċess ma jieqafx mal-persuni iżda fl-ideat, fl-istil, fil-politika u fl-attitudni għax qal li jrid li l-Partit jerġa’ jkollu qalbu tħabbat man-nies u ma jħares ‘l isfel lejn ħadd.