Politika
“Il-PN hu Gvern alternattiv b’politika li tħares il-bżonnijiet tan-nies” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ikkritika lill-Gvern li qal għejja u m’għadux iħares ‘il quddiem. Qal li minkejja t-tfixkil tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista hu Gvern alternattiv b’politika li tħares il-bżonnijiet li għandhom in-nies. Semma kif fl-enerġija l-Partit Nazzjonalista daqt se jipproponi kontijiet orħos minn sorsi aktar nodfa u effiċjenti li jħarsu s-saħħa tan-nies.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, iddeskriva l-ġimgħa li għaddiet bħala l-ġimgħa tal-konfużjoni u tal-inkompetenza tal-Gvern.

F’attività politika fil-Belt, Dr Grech ikkritika lill-Prim Ministru, li qal jgħid mod u jagħmel ieħor. Irrimarka li lejlet li ħareġ rapport internazzjonali li jpoġġi lil Malta fl-agħar post fejn tidħol it-trasparenza, il-Prim Ministru qal li se jitlaq jiġri għax ittikkja l-kaxxi kollha tal-Moneyval. Żied li l-Prim Ministru qal li mhux se jagħmel curfews biex jikkumbatti l-pandemija u l-għada ħabbar curfew sal-ħdax għar-ristoranti. Qal li meta kien kap eżekuttiv ta’ Jobsplus, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol kien jiftaħar bil-politika li ġġib eluf ta ‘ ħaddiema barranin u llum ta raġun lill-Oppożizzjoni li dik il-politika se ddaħalna fil-ħajt u se twaqqaf lin-nies milli javvanzaw fil-paga.

Il-Kap Nazzjonalista qal li f’seba’ snin, il-Gvern rema r-reputazzjoni ta’ Malta/ Żied li hu ilu joffri l-id tal-ħbiberija u bil-fatti l-Partit Nazzjonalista huwa lest li jgħin biex itejjeb l-isem ta’ Malta. Appella lill-Gvern biex ma jkunx imkabbar u jħares madwaru.

Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19, Dr Grech qal li s-sistema tal-contact tracing ikkollassat. Qal li l-Professur Charmaine Gauci kkonfermat dak li kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista li t-tilqima waħedha mhux biżejjed u għandna nibqgħu attenti li ma nferxux il-virus. Qal li l-inkompetenza tal-gvern tidher ukoll fl-infurzar.

Għall-kap Nazzjonalista, il-Gvern tilef ir-ruħ soċjali. Qal li l-Gvern għandu obbligu li mingħajr ma jmiss id-drittijiet tas-sidien li qal batew biżejjed, jindirizza l-problema ta’ eluf ta’ nies li huma f’riskju li jitkeċċew minn djarhom.

Dr Grech qal li fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se juri li jista’ jkun gvern alternattiv. Semma li fl-enerġija, il-Partit Nazzjonalista se joffri kontijiet orħos, aktar effiċjenza u arja aktar nadifa. Spjega li l-politika tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista se tkun mibnija fuq l-orħos sors għall-provista tal-elettriku, pjan għal ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva u nadifa u l-infrastruttura għal mezzi tat-trasport li jaħdmu bl-elettriku.