Politika
AĠĠORNAT: Il-PN iħassar il-laqgħa tal-Eżekuttiv dwar Adrian Delia u Jason Azzopardi

Il-Partit Nazzjonalista ħassar il-laqgħa tal-Eżekuttiv li kienet imsejħa għal-lejla, u dan wara stqarrija konġunta li saret bejn id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u Jason Azzopardi.

Matul il-laqgħa kien mistenni li jkunu diskussi l-posts fuq il-mezzi soċjali li nkitbu mid-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Adrian Delia, li setgħu saru bi ksur tar-regolamenti tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq il-mezzi soċjali, Dr Azzopardi kiteb li Vincent Borg instab ħati ta’ malafama fuqu u weħel multa ta’ €1,000. Dr Azzopardi qal li biex jara lill-Partit Nazzjonalista jingħaqad aktar ħafer lil Borg, li huwa kanvasser ta’ Dr Delia.

Aktar tard, b’referenza għal din il-kitba, irreaġixxa Dr Delia u għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lil Dr Azzopardi. Dr Delia fost l-oħrajn talab lil Dr Azzopardi biex jiddikjara dak kollu li daħħal f’taxxa u jispjega kif u safejn kellu qrubija mal-familja ta’ Yorgen Fenech.

Fi stqarrija konġunta maħruġa llejla minn Dr Azzopardi u Dr Delia, intqal li fil-post imtella’ minn Jason Azzopardi ma kien hemm l-ebda intenzjoni li tinftiehem xi referenza għal Adrian Delia fil-kuntest tas-sentenza tal-Qorti. Qalu li huma jagħrfu rispettivament f’xulxin bħala politiċi impenjati bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ħajja pubblika, li skont huma fniet lil pajjiżna.

Ingħad ukoll li Jason Azzopardi jiddikjara li Adrian Delia mhu fil-but ta’ ebda negozjant u jiġġieled il-korruzzjoni mingħajr xkiel jew kompromessi u li ma jirriżultalux li hemm il-mijiet ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia. Id-deputati Nazzjonalisti sostnew li huma impenjati bis-sħiħ biex flimkien mal-Partit Nazzjonalista kollu kemm hu, ikomplu jiġġieldu mingħajr biża’ u mingħajr favuri sabiex f’pajjiżna terġa’ tirrenja s-Saltna tad-Dritt.

Intant, dawn kienu l-kummenti tal-Kap tal-PN Bernard Grech, kif ukoll ta’ Dr Azzopardi u Dr Delia, hekk kif ħarġu mid-Dar Ċentrali: