Politika
Il-PN iniedi d-dokument “Gvern alternattiv b’viżjoni bil-ġid komuni fiċ-ċentru”

Il-Partit Nazzjonalista nieda dokument ‘Gvern alternattiv b’viżjoni bil-ġid komuni fiċ-ċentru’. Dan id-dokument fih tliet temi ewlenin li huma l-viżjoni soċjo ekonomika, il-valuri umani f’soċjetà moderna u l-governanza tajba. Fit-tnedija ta’ dan id-dokument, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija b’saħħitha u li fiha jiġi preservat il-wirt kulturali.

Id-dokument li nieda l-Partit Nazzjonalista bl-isem ta’ “Gvern alternattiv b’viżjoni bil-ġid komuni fiċ-ċentru”, fih tliet temi li huma – il-viżjoni soċjo-ekonomika ta’ Malta, il-valuri umani f’soċjetà moderna u l-governanza tajba. Id-dokument fih ukoll 14-il qasam li huma l-benesseri soċjali, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa, l-ekonomija ta’ għada, ambjent, l-infrastruttura u r-riżorsi, is-sigurtà, il-ġustizzja u t-tisħiħ tad-demokrazija, Għawdex, it-tassazzjoni u d-dħul fiskali, is-servizz pubbliku, it-teknoloġija avvanzata u l-innovazzjoni, is-soċjetà mibnija fuq l-għerf, l-identità nazzjonali f’dinja globali u l-popolazzjoni, l-integrazzjoni u l-immigrazzjoni.

Dwar il-viżjoni soċjo-ekonomija ta’ Malta li twassal sal-2030, id-dokument jgħid li din se tibni fuq it-tajjeb li għandna, tiskarta dak li għamel ħsara lill-fibra soċjali tagħna u tfassal ekonomija mibnija fuq il-valur miżjud. Dwar it-tema ta’ valuri umani f’soċjetà moderna, id-dokument tal-Partit Nazzjonalista jgħid li se jibda jsewwi l-ħsara li għamel it-tribaliżmu politiku f’Malta. Dwar il-governanza tajba, id-dokument jgħid li pajjiżna ma jixraqlux ir-reputazzjoni ħażina li għandu llum u li fil-ħidma politika tiegħu l-Partit Nazzjonalista se jara li l-governanza tajba ma tkunx biss dik li tinqered il-korruzzjoni imma li tagħti aktar jedd u poteri liċ-ċittadini, lis-soċjetà ċivili u lill-gvernijiet lokali.

Dwar il-benesseri soċjali d-dokument jgħid li l-pajjiż irid imur li ‘l hinn mill-benefiċċji soċjali u jibda jħares li jagħti dinjità u dħul adegwat lill-persuna. Fil-qasam tal-kwalità tal-ħajja u s-saħħa l-Partit Nazzjonalista qal li jridu jiġu elevati s-servizzi tas-saħħa pubblika u dawk privati b’għadd ta’ ċentri ta’ speċjalizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet. Fl-ambjent, il-Partit Nazzjonalista jrid jifforma alleanza b’saħħitha ta’ dawk li verament għandhom għal qalbhom l-ambjent.

Fil-qasam tas-servizz pubbliku l-Partit Nazzjonalista qal li jrid jagħtih lura d-dinjità billi jagħmlu l-mutur tat-tfassil tal-amministrazzjoni pubblika fuq bażi permanenti li tkun indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata. Dwar il-popolazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-pajjiż għandu l-limitazzjonijiet tiegħu f’kemm jiflaħ jerfa’ piż u għalhekk se jaħdem biex jibni politika li tara li l-infrastruttura, is-sistemi u l-komunitajiet tagħna jkunu ippreparati biżżejjed biex jilqgħu għall-bidliet fil-popolazzjoni fuq bażi staġjonali u dik residenzjali aktar fit-tul. Dwar Għawdex, il-Partit Nazzjonalista qal li jrid jippreserva s-sbuħija u l-identità ta’ Għawdex u jkattar l-opportunitajiet għall-Għawdxin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, qal li l-politika trid tkun tan-nies.

“Issir il-politika mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuħ. Imma nħarsu lejn il-ħajja, lejn iċ-ċikostanzi li għaddej minnhom dak l-individwu, lejn il-qalb li qegħda tbati f’dik is-sitwazzjoni partikolari.”

Il-Kelliem Nazzjonalista Claudio Grech qal li d-dokument juri li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikollu viżjoni ffukata fuq il-ġid komuni li tieħu lill-pajjiż sal-2030, fost l-oħrajn billi l-pajjiż ikompli joħloq iktar xogħol b’pagi tajbin.